Internazzjonali

Tama li jkun hemm żblokk biex isir trattat ta’ paċi bis-serjetà

Huwa mistenni li fis-sigħat li ġejjin jerġgħu jiltaqgħu uffiċjali Russi flimkien ma’ dawk Ukreni qrib il-fruntiera tal-Belarus bit-tama li jkun hemm żblokk biex isir trattat ta’ paċi bis-serjetà.

Il-ġlied fil-Lvant tal-Ewropa daħal fit-tnax-il ġurnata tiegħu hekk kif sa issa għad ma kienx hemm waqfien mill-bumbardamenti fuq numru ta’ bliet Ukreni, fosthom il-Belt Kapitali Kiev.

Matul il-lejl numru ta’ missili Russi kienu sparati lejn ir-reġjun ta’ Odesa. Jidher li sa issa ma kien hemm l-ebda mwiet, ghalkemm dawn l-attakki laqtu infrastruttura importanti.

Rapporti qed jindikaw li numru ta’ Ukreni jinsabu maqbuda fix-xelters u anki f’għadd ta’ binjiet oħra, b’1.5 miljun persuna fittxew refuġju ‘l bogħod mill-ġlied u harbu lejn pajjizi qrib. Sa issa s-sanzjonijiet tal-Punent jidher li ftit li xejn ħallew impatt fuq il-Kremlin, b’Washington u l-Unjoni Ewropa jgħidu li qed jikkunsidraw li ma jibqgħux jimpurtaw iż-żejt mir-Russja.