Internazzjonali

Ukrajna: Il-Punent tnikker…u ma kienx deċiżiv biżżejjed

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, qalet li l-Punent ‘baqa’ jitnikker u ma ħax azzjoni deċiżiva biżżejjed’ meta d-dittatur Russu, Vladimir Putin, kien qed jistazzjona l-eluf kbar tat-truppi mal-fruntiera tal-Ukrajna.

Fl-istess ħin, hi qed tirrikonoxxi li Putin, fil-jiem qabel l-invażjoni tal-Ukrajna, ‘ma ħax bis-serjetà’ l-isforzi għad-diplomazija u għal deterrent min-naħa tal-Ewropa u l-Punent.

Liz Truss enfasizzat li issa, wara l-invażjoni tal-Ukrajna, Vladimir Putin ‘kisser il-qafas tas-sigurtà għall-Ewropa’ u meta kollox hu possibbli minn dan il-punt ‘il quddiem.

F’diskors lill-Parlament ta’ Londra, Truss sostniet il-ħtieġa li r-Renju Unit u l-pajjiżi l-oħra tal-Punent jagħmlu li jistgħu biex isaħħu lin-NATO ‘u biex ibiegħdu l-periklu min-naħa tal-Lvant ( b’referenza ċara għar-Russja)’.

U waqt li n-NATO stazzjonat aktar truppi fl-Estonja — Stat-membru tal-Unjoni Ewropea u eks Repubblika Sovjetika — Liz Truss insistiet li l-Alleanza kapaċi tinvesti ħafna aktar fid-difiża u b’mod fejn il-pajjiżi-membri kollha jerfgħu parti akbar mill-piż’.