Elezzjoni 2022 Lokali

Votazzjoni bikrija fid-djar tal-anzjani u l-isptarijiet

Il-pazjenti fl-isptarijiet se jivvutaw fl-24 ta' Marzu filwaqt li r-residenti fid-djar tal-anzjani se jivvutaw fid-19 ta' Marzu li ġej

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li se ssir votazzjoni bikrija għal dawk li l-pazjenti li huma jew se jkunu rikoverati fl-isptarijiet kif ukoll għar-residenti fid-djar tal-Anzjani.

L-ewwel votazzjoni bikrija se ssir nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu li ġej fir-residenza San Vinċenz de Paul u 34 Dar tal-Anzjan skont l-iskeda aktar ‘l isfel, bil-ħin tal-votazzjoni tkun bejn is-7 ta’ filgħodu u l-10 ta’ filgħaxija.

F’dawn il-35 post tal-votazzjoni jistgħu jivvutaw dawk il-votanti li huma reġistrati f’dawn id-djar tal-anzjani kif ukoll dawk kollha residenti, iżda mhux reġistrati bħala votanti fihom, sas-Sibt, 12 ta’ Marzu 2022.

Fl-istqarrija tagħha, il-Kummissjoni avżat lill-membri tal-familja jew persuni li għandhom id-dokument tal-vot ta’ xi qraba jew persuni oħra f’dawn ir-residenzi biex jgħaddulhom id-dokument sa mhux aktar tard min-nofsinhar tal-Ġimgħa 18 ta’ Marzu għaliex fid-19 ta’ Marzu, mhux se jkun ħinijiet għall-viżitaturi f’dawn il-postijiet.ż

Intant, it-tieni votazzjoni bikrija se ssir nhar il-Ħamis 24 ta’ Marzu li ġej fl-isptarijiet Mater Dei, inkluż dak tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, Karin Grech, Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, inkluż id-Downtown Hotel, bil-ħin tal-votazzjoni tkun l-istess bejn is-7 ta’ filgħodu u l-10 ta’ filgħaxija.

F’dawn il-postijiet jistgħu jivvotaw dawk il-votanti rikoverati fihom sas-6.00 ta’ filgħaxija tat-Tnejn, 21 ta’ Marzu, 2022, u mhux kif jidher fuq id-dokument tal-votazzjoni tagħhom. Huwa importanti li dawn il-votanti jiżguraw li d-dokument/i tal-vot tagħhom ikunu fil-pussess tagħhom sal-20 ta’ Marzu, 2022.

L-iskeda tal-34 Dar tal-Anzjan fil-votazzjoni bikrija tas-Sibt 19 ta’ Marzu 2022 hija kif ġejja:

  1. Dar San Pawl, il-Ħamrun
  2. Apap Institute, Santa Venera
  3. Casa Francesco, Santa Venera
  4. Dar tal-Anzjani, Bormla
  5. Dar tal-Anzjani, iż-Żejtun
  6. Ir-Residenza Komunitarja Ghigo, Ħal Għaxaq
  7. St. Thomas Community Living, Wied il-Għajn
  8. Residenza San Ġużepp, il-Fgura
  9. Casa Paola, Raħal il-Ġdid
  10. Dar l-Annunzjata, Ħal Tarxien
  11. Dar Pinto, Ħal Qormi
  12. Dar tal-Anzjani, l-Imtarfa
  13. Villa Messina, ir-Rabat
  14. Dar Saura, ir-Rabat
  15. Dar Sant’ Eliżabetta, ir-Rabat
  16. Casa Antonia, Ħal Balzan
  17. Dar tal-Kleru, Birkirkara
  18. Jasmine Nursing Home, l-Imsida
  19. Golden Care, in-Naxxar
  20. Simblija Care Home/Residenza Hilltop, in-Naxxar
  21. Casa Leone XIII, San Ġiljan
  22. Dar tal-Anzjani, Sptar Zammit Clapp, San Ġiljan
  23. Casa Marija, tas-Sliema
  24. The Imperial, tas-Sliema
  25. Dar Santa Katarina, Ħ’Attard
  26. Roseville, Ħ’Attard
  27. Sorijiet Franġiskani ‘Pax et Bonum’, il-Mosta
  28. Casa Arkati, il-Mosta
  29. Dar il-Madonna tal-Isperanza, il-Mosta
  30. Central Home, il-Mosta
  31. Dar il-Madonna tal-Mellieħa, il-Mellieħaż
  32. Casa Serena, San Pawl il-Baħar
  33. Casa San Paolo, San Pawl il-Baħar
  34. Villa San Lawrenz, San Lawrenz