“Il-PN għandu pjan ċar kif wieħed jista’ jaqla’ iktar flus iżda wara kollox kif jista’ jagħmel dan meta jkun qed jgħix ħajja ta’ kwalità aħjar.”
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Kap tal-PN, Bernard Grech meta żar lil-lokalità tal-Iklin fejn kien imdawwar u milquh minn diversi persuni.
Bernard Grech qal li l-Partit għandu viżjoni għal dan il-pajjiż u manifest elettorali li jaħseb għall-ħsibijiet individwali. Hu qal li qed ikollu l-opportunità jwassal proposti li se jbiddlu u jtejbu l-ħajja ta’ kull Malti u Għawdxi.
Il-Kap tal-PN qal li l-kultura għall-Partit hu ta’ rispett u unur. Hu għalhekk li qal li l-PN għandu jkun fit-tmexxija għaliex jaħseb verament f’kull individwu u mhux iwarrab lil dawk li mhumiex tal-qalba.
Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jagħti għajnuna biex wieħed jinvesti fin-negozju tiegħu u b’hekk jiżdied ix-xogħol f’pajjiżna.
U wara kollox, fil-ġranet li ġejjin, Bernard Grech qal li se jkompli jgħin il-lokalitajiet jisbieħu bħala parti integrali tal-avvanz u mhux permezz ta’ bini esseġerat fiċ-ċentri urbani.
Wara ż-żjara li għamel fl-Iklin, Bernard Grech mar San Ġwann fejn iltaqa’ ma’ diversi residenti u negozji fil-lokalità. Magħhom, hu wiegħed li se jkun qed jaħdem favur kull tip ta’ negozju f’pajjiżna, fosthom dawk in-negozji ż-żgħar billi jipprovdu għotja ta’ flus bil-quddiem ta’ darba lil min iħaddem.
Bernard Grech wiegħed ukoll li l-PN jassigura li l-arretrati kollha tal-VAT, ħlas tat-taxxa u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li akkumulaw tul il-pandemija tal-COVID19 jitħallsu lura fuq perjodu ta’ 8 snin biex jinwieżnu n-negozji.
Il-Kap tal-PN qal li l-Partit se jkun qed joħloq mill-ġdid għadd ta’ spazji miftuħa: pulmuni fil-bliet, strateġija
għal żoni ħodor maħsuba għall-familji, aġenda għat-tkabbir ta’ imsaġar, funtani u l-iżvilupp ta’ ekoparks.
