Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, sellem il-memorja ta’ Paulina Dembska u ta’ Rita Ellul li nqatlu fl-ewwel ftit ġimgħat ta’ din is-sena. Bernard Grech sellem ukoll il-memorja ta’ Sandra Shields, ħaddiem ta’ Media.link Communications, li ħalliet din id-dinja kmieni din il-ġimgħa.
Il-Kap tal-PN spjega li wara li l-Partit Nazzjonalista vvota favur liġi li tistabilixxi l-femiċidju, fil-programm elettorali qed jintrabat li jagħti aktar importanza fil-ħidma kontra r-reati li jsiru fil-konfront ta’ nisa, tfajliet jew persuni vulnerabbli billi jestendi dak li jeżisti llum u jibni binja speċjalizzata dedikata għal dawn ir-reati fil-Korp tal-Pulizija.
Bernard Grech sellem lil Roberta Metsola tal-isem li qed tagħmel lil pajjiżna b’differenza mill-greylist li daħħalna fih dan il-Gvern Laburista.
Meta indirizza attività organizzata mill-PN f’Jum il-Mara, il-Kap tal-PN saħaq li hemm bżonn nibqgħu naħdmu għal bidla fil-mentalità. Hu saħaq li għalih, il-mara għandha valur kbir fis-soċjetà tagħna.
Gvern ġdid Nazzjonalista huwa mpenjat li jerġa’ jagħti l-importanza li tixraq lill-miżuri li jħaffu l-pass tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel b’enfasi ewlenija fuq id-differenza materjali li għadha teżisti bejn il-pagi ta’ l-irġiel u n-nisa (gender pay gap).
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li biex kull mara tgawdi mill-inċentiv li terġa tidħol fis-suq tax-xogħol, ser tingħata għotja ta’ €1,000 lin-nisa li jkollhom tfal li jerġgħu lura f’impjieg u li ma jħallsux taxxa fuq id-dħul tagħhom jew iħallsu ammont żgħir ta’ taxxa. B’hekk dawk in-nisa li m’għandhomx paga għolja jkunu wkoll jistgħu jibbenefikaw minn dan l-inċentiv.
Fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, qed naħsbu fin-nisa li jixtiequ jsiru ommijiet u qed nipproponu li dawk kollha eliġibbli għas-servizz tal-IVF ser ikollhom il-proċess kollhu kopert bla ħlas, inkluż it-trattament, il-faċilitajiet, il-konsultazzjonijiet u l-mediċini kollha neċessarji. Filkaż li jkun hemm bżonn kliniku li t-trattament isir barra minn Malta, dan jiġi kopert taħt il-mekkaniżmi viġġenti tat-trattament barra minn pajjiżna. Dan stqarru Bernard Grech fi programm fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara.
Proposta oħra tal-Partit Nazzjonalista hija li ommijiet li jkunu welldu tarbija permezz tas-servizz tal-IVF jibqgħu eliġibbli li jużaw l-proċess kollu bla ħlas għal ċikli sussegwenti biex ikollhom aktar tfal.
Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jibqa’ jinvesti fis-servizz tal-IVF u tal-maternita’ f’pajjiżna biex nagħmlu mill-faċilitajiet tagħna fost l-aqwa fl-UE fejn omm twelled it-tarbija tagħha.
Bernard Grech temm billi assigura li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jimplimenta ukoll il-politika ddikjarata tiegħu dwar l-aċċessibbiltà tal-kontraċezzjoni għal kulħadd.
//= $special ?>