Lokali

“Bżonn ta’ ugwaljanza vera u sħiħa f’kull qasam u livell tal-ħajja” – Roberta Metsola

“Hemm bżonn ta’ ugwaljanza vera u sħiħa f’kull qasam u livell tal-ħajja sabiex naslu fi żmien fejn id-dinja ma jkollix għalfejn tibqa’ tfakkar Jum il-Mara hekk kif kull sess ikun meqjus kompletament indaqs.”

Kien dan li qalet il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola waqt konferenza li saret mill-Partit Nazzjonalista f’Jum il-Mara.

Roberta Metsola kompliet li filwaqt li tirrikonoxxi l-fatt li fil-qasam tal-edukazzjoni, m’għadx hemm dak id-distakk li konna nafu bih qabel, dan id-distakk xorta waħda għadu applikat fuq il-post tax-xogħol. Hi saħqet li mhux ġustizzja li n-nisa jitħalsu inqas għall-istess xogħol li jagħmlu l-irġiel.

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li l-pajjiżi m’għandhomx jitkelmu dwar għajnuna li għandha tingħata l-omm biex tibqa’ taħdem iżda jassiguraw li kemm l-ommijiet u anke l-missirijiet jingħataw l-għajnuna meħtieġa hekk kif iż-żewġ ġenituri huma importanti għat-trobbija tat-tfal.

Fakkret li din hi ġurnata fejn wieħed ifakkar il-kisbiet tal-aħħar sekli, iżda mhux biss. Dan il-jum ifakkar ukoll l-importanza li kemm il-vjolenza domestika, l-abbuż sesswali u l-abbuż finanzjarju huma kundannabli ssiru fuq min isiru.

Kien għalhekk li qalet li hemm bżonn ta’ aġenda li telimina l-abbużi fiżiċi, mentali u emozzjonali għal kulħadd u tittama li għad jasal żmien li ma jkunx hemm iktar bżonn li jibqa’ jitfakkar Jum il-Mara bħala jum li għad hemm bżonn it-tibdil għall-ugwaljanza fis-soċjetajiet.