Sport Sport Ieħor

Charles Caruana jaqbad l-akbar mulett f’Marsaskala

“Minkejja li s-sajd għall-mulett ma jkunx mistenni li jkun ta’ suċċess kbir f’dan iż-żmien, xorta waħda kien ta’ diżappunt kbir li għall-ħames sena konsekuttiva aktar minn tliet kwarti tas-sajjieda, minkejja li qabdu ħut ieħor, ma qabdux mulett.”

Hekk stqarr il-President tal-Għaqda, John Attard waqt il-preżentazzjoni tat-trofej fit-tmiem tat-tieni sajda tal-mulett li saret f’Wied il-Għajn nhar il-Ħadd li għadda. Minkejja li din hi kompetizzjoni tas-sajd, il-ħut kollu li jinqabad li jkun taħt it-12-il ċentimetru jerġa’ jinħeles fil-baħar, filwaqt li l-kumplament tal-ħut, wara li jintiżen jinħeles ukoll.

Fl-ewwel post ġie Charles Caruana li qabad l-akbar mulett tal-kompetizzjoni li kien jiżen 672 gramma, b’James Gilson u Angelo Curtona jtemmu fit-tieni u fit-tielet post rispettivament. Il-kompetizzjoni li jmiss se tkun organizzata għall-ewwel darba, tal-‘Open Float’, li se ssir nhar il-Ħadd 3 t’April.