Fl-aħħar sigħat miet raġel ieħor, ta’ 82 sena, waqt li kien pożittiv għall-Covid-19. Dan itella’ t-total ta’ imwiet għal 610.
Tħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa kien hawn 159 każ ġdid pożittiv u 69 persuna li hi meqjusa bħala mfejqa. It-total ta’ każi attivi hu dak ta’ 950.
U fl-Isptar Mater Dei hemm 34 pazjent pożittiv, bi tlieta minnhom jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Ta’ min wieħed ifakkar li mis-7 ta’ Marzu, ġew rilaxxati numru ta’ miżuri restrittivi kontra l-Covid-19.
Għal persuni b’ċertifikat tal-vaċċin validu, jekk wieħed jirriżulta pożittiv għall-virus għandu jagħmel sebat ijiem kwarantina, b’test negattiv fl-aħħar jum filwaqt li jekk ikollu kuntatt primarju jew sekondarju, m’għandix għalfejn issir kwarantina.
Minn naħa l-oħra, dawk il-persuni li m’għandhomx ċertifikat validu, jekk jirriżulta pożittiv għandu jagħmel 14-il ġurnata kwarantina. Dan filwaqt li jekk ikollu kuntatt primarju, irid jagħmel kwarantina ta’ ħamest ijiem, b’test negattiv fl-aħħar jum, u l-ebda forma ta’ kwarantina f’każ ta’ kuntatt sekondarja.
//= $special ?>