Id-dinja ngħaqdet f’tifħir għall-kuraġġ ta’ tifla ċkejkna fl-Ukrajna — bl-isem Amelia — li l-filmat tagħha waqt li qed tkanta ‘Let It Go’ ( is-sigla tal-film popolari ‘Frozen’) meta kienet qed tistkenn mill-bombi tar-Russi spiċċa ‘viral’ fi spazju ta’ minuti.
Il-filmat juri lil Amelia fil-kantina ta’ residenza waqt li qed tkanta l-kanzunetta b’espressjoni ta’ tama f’għajnejha — u fost l-applaws tal-familji li wkoll kienu fil-bini waqt il-bumbardament fuq zona li ma kenitx speċifikata.
Fost l-ewwel nies li rikonoxxew dan il-mument kommoventi kien hemm Idina Menzel, l-attriċi u kantanta Amerikana li leħinha jinstama’ bi prominenza fil-films ‘Frozen’ u ‘Frozen 2′, li bagħtet messaġġ personali ta’ kuraġġ lil Amelia.
Il-video tat-tifla qed tkanta kien iċċirkolat fuq Facebook fil-bidu tal-ġimgħa u minn dak il-ħin kiseb l-għexieren tal-eluf ta’ ‘likes’ u kummenti ta’ appoġġ minn kull pajjiż fid-dinja.
U l-messaġġ ( fuq Twitter) ta’ Idina Menzel lil Amelia kien li ‘id-dinja kollha għandha għajnejha fuqha ( it-tifla)’ — bil-messaġġ ikun ‘akkumpanjat’ b’numru ta’ qlub ta’ lewn isfar u blu, li huma l-kuluri nazzjonali tal-Ukrajna.


