In-Nazzjonijiet Uniti kkonfermat li l-eżodu tar-refuġjati mill-Ukrajna mhux qed ikollu limitu, tant li bħalissa qegħdin naraw l-akbar eżodu ‘il barra mill- pajjiż mill-bidu tas-snin erbgħin – waqt l-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Issa hu kkonfermat li r-refuġjati Ukreni li qed jaħarbu lejn il-Polonja u pajjiżi oħra mal-periferiji tal-Ukrajna qabżu sew iż-żewġ miljuni. Dan meta l-Armati tar-Russja – fost it-telf ta’ aktar suldati u tagħmir tal-gwerra waqt l-invażjoni – jidhru li qed ikomplu bl-attakki indiskriminattivi fuq l-ibliet tal-Ukrajna.
L-aġir ta’ Moska, sadanittant, qed ikun ikkundannat mid-dinja bħala’tattiċi terroristiċi fuq il-poplu ta’ pajjiż li l-Ewropa rari rat bħalhom’.
Bħalissa, numru kbir ta’ Ukreni qed jaħarbu mill-ibliet ta’ Sumy u Irpin, viċin ta’ Kiev, wara li ntlaħaq jerġa’ ftehim ieħor għall-evakwazzjonijiet taċ-ċivili ‘taħt sigurtà’ Dan ukoll wara li fallew talanqas żewġ ftehim oħra għall-evakwazzjoni taċ-ċivili minn diversi bliet tal-Ukrajna, bir-Russi jippersistu bil-bumbardamenti tal-inħawi ftit wara li kienu qablu dwar ir-rotot tas-sigurtà għar-residenti mhumiex armati.
Fil-fatt, issa, ħarġu wkoll rapporti li l-qawwiet Russi qed jibbumbardjaw rotta għall-evakwazzjoni ta’ ċivili mill-belt ta’ Mariupol, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna, u li ilha l-aħħar jiem suġġetta għal assedju terribbli.
//= $special ?>

