Uffiċjali qrib il-Pentagon fl-Istati Uniti qalu li r-Russja qed tipprova tirrekluta l-merċenarji mis-Sirja biex jiġġieldu spalla ma’ spalla mat-truppi tal-Kremlin fil-gwerra tal-Ukrajna.
Is-sorsi qalu li l-President Russu Vladimir Putin issa beħsiebu jingaġġa numru sostanzjali ta’ ġellieda barranin b’appoġġ għall-Armata tiegħu fl-Ukrajna ‘u minkejja li l-qawwiet ta’ Moska huma sostanzjalment akbar minn tad-difensuri Ukreni’.
Il-President tas-Sirja, Bashar al-Assad, hu alleat kbir tar-Russja u kien fost il-ftit mexxejja li vvutaw, fin-Nazzjonijiet Uniti, biex ir-Russja ma tkunx ikkundannata dwar din il-gwerra. Dan wara li Moska, fl-2015, kienet daħlet fil-gwerra ċivili tas-Sirja fuq in-naħa ta’ Assad u fejn il-militar tagħha salvaw lid-dittatur Sirjan mit-telfa — bil-gwerra ċivili minn dak iż-żmien iddur sew favur il-qawwiet ta’ Damasku.
Sadanittant, rapport fil-Wall Street Journal indika li l-militar Russu ‘diġà rrekluta l-ġellieda veterani mis-Sirja’, bit-tama li l-esperjenza tagħhom relatata mal-gwerra urbana tgħin lill-qawwiet ta’ Moska biex jieħdu l-kontroll ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna.
//= $special ?>