Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-Armata Russa titlef kmandant ewlieni fost il-ġlied

Il-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna qal li nqatel kmandat militari ieħor tar-Russja fost il-ġlied mal-qawwiet Ukreni lejn il-limiti ta’ Kharkiv, fil-lvant tal-Ukrajna. Ir-rapporti qalu li l-Ġeneral, Vitaly Gerasimov ( ritratt), il-Kap tal-Istaff mal-41 Armata Russa, inqatel, flimkien ma’ uffiċjali militari oħrajn ta’ Moska, waqt sensiela ta’ battalji intensivi.

Ir-Russja ma kkummentatx iżda l-indikazzjonijiet kollha huma li Gerasimov hu t-tieni uffiċjal militari (Russu) ta’ grad hekk għoli li tilef ħajtu fl-invażjoni tal-Ukrajna.

L-istqarrija tal-Ministeru Ukren għad-Difiża sostniet li l-Ġeneral Gerasimov kien veteran tat-tieni gwerra fiċ-Ċeċenja bejn l-1999 u l-2000. Hu kien anki strumentali fil-kampanja militari tar-Russi fis-Sirja, kif ukoll fil-ħtif tal-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna, fl-2014. Intant, hemm anki allegazzjonijiet qawwija li Gerasimov kien indikat minn ħafna bħala kriminal tal-gwerra

Daqs ġimgħa ilu, ir-Russja kienet ikkonfermat il-qtil ta’ Andrey Sukhovetsky, viċi-kmandant ieħor tal-Armata Russa u li mewtu seħħet ‘waqt sitwazzjoni ta’ konflitt’.