Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-offensiva l-kbira fuq Kiev tista’ isseħħ mil-lejla stess

L-esperti ma’ think tank prominenti fl-Istati Uniti qed iwissu li l-qawwiet Russi kapaċi jwettqu ‘l-offensiva kbira’ fuq Kiev , il-belt kapitali Ukrena, mil-lejla stess.

Dan meta t-truppi tal-President Russu Vladimir Putin qegħdin jheddu lil Kiev minn tliet ‘fronti’ – u fejn fl-aħħar sigħat waslu hemmhekk ir-reinforzi u diversi provvisti essenzjali għal kampanja militari twila.

Intant, il-qawwiet ta’ Putin qed ikomplu bl-attakki mill-ajru u bl-artillerija fuq il-miri militari ewlenin tal-Ukrajna bil-ħsieb li jdgħajjfu lir-reżistenza wara t-telf ta’ daqstant suldati Russi matul l-invażjoni. Hemm ukoll il-ħsieb li s-sigħat konsekuttivi ta’ bumbardamenti jirnexxilhom ‘joqtlu l-moral tal-Ukreni’  qabel l-offensiva proprja fuq il-kapitali.

Ir-rapport qal li jekk kemm il-darba t-truppi Russi rnexxielhom iwasslu l-provvisti fiz-zoni fejn qed isiru t-tħejjijiet għall-offensiva, l-attakk fuq Kiev jista’ ikollu ċans akbar li jirnexxi.

Il-possibbiltajiet għal suċċess militari għandhom jikbru jekk ir-Russi jorganizzaw ruħhom aħjar fil-periferiji ta’ Kiev, fost l-ippjanar ta’ azzjonijiet kkordinati relatati mal-avvanzi tat-truppi Russi fid-distretti ta’ barra u aktar ‘il ġewwa fil-kapitali Ukrena.