Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, għadu kemm indirizza lill-Parlament tar-Renju Unit permezz ta’ videolink u fejn mill-ġdid insista biex l-alleati tal-Punent jimponu no-fly zone fuq pajjiżu ‘biex ma jmutux aktar nisa u tfal b’kaġun tal-attakki mir-Russi’.
Hu tenna mill-ġdid li r-Russja se tħallas u se tkompli tħallas prezz qares għall-invażjoni brutali tal-Ukrajna waqt li qabbel il-ġlieda tal-Ukreni mal-gwerra qalbiena li l-Britanniċi kienu ġġieldu kontra l-qawwiet Nażisti ta’ Adolf Hitler bejn l-1939 u l-1945.
Zelensky enfasizza li qed jindirizza lid-deputati bħala ‘ċittadin u l-President ta’ pajjiż b’ħolma kbira’,
Filwaqt li kkwota lil Sir Winston Churchill — il-Prim Ministru Britanniku li kien waqaf lill-qawwa tan-Nażisti fil-bidu tat-Tieni Gwerra — Zelensky fakkar ‘li l-Britanniċi kienu determinati li jiġġieldu sal-aħħar nifs meta n-Nażisti riedu jieħdulhom pajjiżhom’. Hu kompla li l-Ukrejni, fil-preżent, qegħdin jieħdu minn dan l-eżempju fost ‘l-isforzi erojċi kontra l-qawwiet ta’ Vladimir Putin’.
‘Il-bumbardamenti mhumiex se jkissru lill-poplu Ukren’ sostna Zelensky — bil-President Ukren jisħaq li s-sanzjonijiet li kienu imposti s’issa fuq ir-Russja mhumiex biżżejjed meta hemm ħtieġa ‘iddisprata’ għan-no-fly zone.
Il-President Ukren, intant, laqa’ tajjeb id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali biex tinvestiga lir-Russja għal reati tal-gwerra. Iżda Zelensky, fl-istess ħin, fakkar li ‘fil-gwerra ta’ Putin intilfu numru sostanzjali ta’ tfal li mhumiex ġejjin lura.’
Qabel id-diskors, Zelensky — li sar l-ewwel mexxej barrani li indirizza lid-deputati fil-House of Commons ta’ Londra — qala’ applaws enormi mill-assemblea, fosthom il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson.
//= $special ?>