Lokali

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex tappoġja l-proposti tal-PN

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex ippublikat dokument li jelenka il-prijoritajiet għal Għawdex għal-leġiżlatura li jmiss. Hu saħqu li l-pandemija tal-COVID-19 uriet li Għawdex iktar minn qatt qabel għandu bżonn jiddiversifika l-ekonomija tiegħu. Il-problemi ekonomiċi strutturali ġew murija iktar minn qatt qabel mill-pandemija, li uriet kemm l-ekonomija f’Għawdex tiddependi minn setturi bħat-turiżmu, il-kostruzzjoni u l-propjeta mmobiljari.

Manifest Elettorali tal-PN – Tisħiħ tal-Infrastruttura tal-Gżira Għawdxija

14. Id-deċiżjoni finali dwar il-mina titħalla f’idejn l-Għawdxin, iżda tkun xi tkun id-deċiżjoni, gvern Nazzjonalista jkun kommess li jtejjeb u jżid il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer skont l-eżiġenzi taż-żminijiet tal-lum

320. Sakemm ikun hemm deċiżjoni finali dwar il-mina, insaħħu bil-kbir l-aċċessibbiltà għall-Għawdxin b’estensjoni tal-infrastruttura tal-port tal-Imġarr u b’investiment fit-tul f’żewġ vapuri ġodda: wieħed għall-passiġġieri u ieħor għall-merkanzija.

Huma saħqu li l-aċċessibiltà tibqa’ element kruċjali biex l-Għawdxin jimxu ‘l quddiem, fosthom permezz ta’ mina ta’ taħt il-baħar u vapur iktar modern u nadif.

Manifest Elettorali tal-PN – Nipproteġu l-Identità u l-Ambjent t’Għawdex

324. Naraw li l-politika tagħna talprotezzjoni tal-ambjent tkun riflessa b’enfasi kbira fuq il-gżira Għawdxija għax lil din il-gżira rridu nipproteġuha mill-iżvilupp bla rażan li ftit ftit qed jeqred il-karattru uniku tagħha.

325. Noħolqu rwol soċjo-ekonomiku uniku u innovattiv għal Għawdex li jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku filwaqt li jħares il-karattru, l-identità u l-ġmiel naturali tal-gżira.

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex saħqu wkoll dwar l-importanza ta’ politika reġjonali għal Għawdex fejn jidħol l-ippjanar u d-disinn filwaqt li tinħoloq bażi soda għall-ħolqien tal-ekonomija l-ħadra f’Għawdex, kif iwiegħed Gvern Nazzjonalista.

Manifest Elettorali tal-PN – Aktar Servizzi tas-Saħħa għall-Pazjenti Għawdxin

321. Wara terminazzjoni tal-ftehim tal-privatizzazzjoni ma’ Steward Healthcare, inwettqu programm kapitali massiv għall-iżvilupp, permezz tal-Malita plc, ta’ Sptar Ġenerali ġdid ta’ 400 sodda f’Għawdex.

Huma komplew dwar il-bżonn ta’ sptar ġdid għal Għawdex wara li l-Isptar spiċċat taħt idejn il-barranin… b’Gvern immexxi minn Bernard Grech iwiegħed li mhux talli jerġa’ jieħu taħt idejh l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-Għawdxin iżda jibni sptar ġdid.

Manifest Elettorali tal-PN – Inkattru l-Opportunitajiet fil-Qasam Edukattiv

333. Niddeċentralizzaw it-tmexxija u t-twettiq tal-funzjoni turistika ta’ Għawdex billi l-assoċjazzjonijiet relatati mat-turiżmu jitgħaqqdu f’entita’ bażata fuq PPP b’budget allokat għal żvilupp ta’ niċċeċ u setturi ġodda.

334. Sabiex inħajjru aktar turiżmu lejn Għawdex ser innaqqsu l-ispejjeż tal-liċenzji filwaqt li nagħtu inċentivi lis-sidien tal-lukandi u ristoranti biex ikabbru r-riżorsi tagħhom.

Ġie msemmi wkoll it-turiżmu li hu tant importanti għal pajjiżna, fejn talbu li ssir strateġija ċara u azzjonijiet biex jiġi attirat it-turiżmu barrani… bil-PN għandu viżjoni ċara dwar il-gżira Għawdxija.