Elezzjoni 2022 Lokali

Il-PN se jkun qed jassigura d-drittijiet tal-bdiewa, il-kaċċaturi u n-nassaba

“Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jassigura d-drittijiet tal-bdiewa, il-kaċċaturi u n-nassaba.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li se jikkontestaw fuq is-7 distrett f’Attività Politika li saret taħt it-tinda f’Ħaż Żebbuġ.

Charles Azzopardi tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja u b’hekk huwa l-Partit tas-sewwa. Azzopardi qal kif il-Partit li kien jemmen fih, il-Partit Laburista m’għadux il-Partit taż-żgħir u tal-ħaddiem iżda sar partit tal-ftit u tas-sinjur għaliex mingħand is-sinjur biss jista’ jiggwadanja.

Charles Azzopardi ħeġġeġ lil-Laburisti ġenwini, biex bħalu jkollhom il-kuraġġ u jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista.

Il-Kandidat Ivan Bartolo qal li fl-2003 hu wkoll kien ħeġġeġ lil-Laburisti ġenwini jivvutaw favur id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u hekk ukoll se jkun qed jagħmel illum. Bartolo saħaq kif il-Partit Nazzjonalista huwa l-Partit tal-ġustizzja soċjali u tal-ħaddiem għaliex kif fil-passat kien pijunier fil-qasam tal-housing hekk se jkun ukoll illum.

Ivan Bartolo qal li l-PL qed jigdeb dwar il-proposta tal-PN dwar il-kera’ ta’ qabel l-1995 hekk kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti aktar minn dak li qed jingħata llum.

Ryan Callus li wkoll huwa Kandidat fuq is-7 distrett qal kif il-PN jista’ jkun id-dar ta’ aktar Laburisti ġenwini għaliex il-Partit Laburista sar Partit tal-kapitalisti. Callus qal kif il-PL qed jikkopja l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għaliex il-PN huwa l-unika partit li għandu l-Programm Elettorali bi proposti konkreti.

Ryan Callus bħall-kandidati l-oħra tkellem fuq l-impjant li kien se jsir fl-Imġarr fejn kienet se tittieħed medda ta’ art, iżda wara ħidma mill-Partit Nazzjonalista dan ma sarx filwaqt li semma kif il-PN mhux se jkun qed jieħu art biex jinvesti fl-enerġija iżda se jkun qed jinvesti fl-irdieden tar-riħ li jsiru fil-baħar.

Il-Kandidata Rebekah Cilia f’Jum il-Mara, fakkret dak li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu meta Roberta Metsola nħatret bħala President tal-Parlament Ewropew. Cilia tkellmet dwar l-esperjenzi tagħha waqt li tkun qed tagħmel il-housevisits u anke żjarat għand bdiewa u raħħala fejn irreferiet għal waħda mill-propost tal-PN dik li jnaqqsu l-burokrazja għall-bdiewa u r-raħħala.

Rebekah Cilia tkellmet dwar kif il-PN se jkun qed iħares id-delizzji u anke l-kultura ta’ pajjiżna u b’hekk fis-26 ta’ Marzu l-poplu għandu jagħżel il-PN.

Adrian Delia qal kif ir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ huwa stampa ċara tal-kultura u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna u li l-PN se jkun qed jassigura li dawn jibqgħu jitħarsu. Delia qal kif pajjiżna tilef in-normalità fl-aħħar snin hekk kif seħħew avvenimenti li waslu għal dan, b’referenza għall-kawża li huwa stess fetaħ kontra l-Vitals hekk kif il-Gvern se jkun qed jagħti €70 miljun lil din il-kumpanija.

Adrian Delia ħeġġeġ lil kulħadd biex jagħmel kuraġġ għaliex il-poplu għandu dover li jivvota u jagħżel il-futur li jrid għal pajjiżu sabiex flimkien nerġgħu niksbu lura n-normalità li tlifna fl-aħħar snin.

Graziella Galea tkellmet dwar kif il-Partit Nazzjonalista qed jaħseb f’dawk il-familji li ma jistax ikollhom tfal u għalhekk se jkun qed joffri servizz b’xejn tal-IVF. Galea tkellmet dwar kif il-passat iħeġġiġna biex nkomplu naħdmu għall-futur u kif il-Partit Nazzjonalista dejjem poġġa fiċ-ċentru tal-politika tiegħu lin-nies.

Graziella Galea qalet kif fis-7 distrett hemm aktar minn 2,000 bidwi u se jkun il-Partit Nazzjonalista li jerġa’ jpoġġi dan is-settur bħala prijorità b’għajnuna diretta lill-bdiewa wara li dan il-Gvern kien nesieh kompletament.

Il-Kandidat Anton Mifsud tkellem dwar il-ħidma tiegħu bħala Sindku fl-Imtarfa u anke l-ħidma tiegħu bħala President tar-Reġjun tat-Tramuntana. Hu qal ukoll kif il-Partit Nazzjonalista qed iħabbat fuq kull qalb u jisma’ l-karbiet tan-nies speċjalment tal-bdiewa u r-raħħala.

Mifsud qal kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħtihom l-għajnuna meħtieġa u appella lil kulħadd anke lil dawk li jinsabu fis-skiet ta’ djarhom jagħmlu kuraġġ u joħorġu jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista.

Alessia Psaila Zammit qalet kif minn meta daħlet fil-politika dejjem rat li tagħmel politika li tkun viċin in-nies u kif is-7 distrett għandu bżonn kandidati li jkunu viċin in-nies. Psaila Zammit tkellmet dwar kif il-PN għandu bżonn lil kulħadd sabiex iwassal il-messaġġ tiegħu b’mod speċjali liż-żgħażagħ.

Hi saħqet kif flimkien ma’ nies oħra ħadmet biex mill-Elezzjoni Ġenerali li ġejja jkun hemm aktar nisa fil-Parlament sabiex tkun assigurata l-ugwaljanza anke fl-għola istituzzjoni tal-pajjiż.

Edwin Vassallo minn naħa tiegħu indirizza l-gideb tal-media tal-Partit Laburista hekk kif fl-aħħar jiem gidbet dwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Vassallo qal kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ikompli jħares id-drittijiet tal-kaċċaturi u n-nassaba u se jkun qed jara kif dawn id-delizzji jkomplu jevolvu u mhux jinqerdu.

Hu kompla jgħid kif il-PN se jkun ukoll qed iħares li jiżammu d-drittijiet tas-sajjieda u kif bħal kaċċaturi u n-nassaba m’għandhomx jiġu trattati ta’ kriminali.

Il-Kandidat Ian Vassallo ‘Hagi’ qal kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara kif se jgħin lill-bdiewa jwasslu l-prodott tagħhom għand in-nies. Vassallo fakkar ukoll fil-ħidma li wettqu l-frontliners b’mod speċjali matul dawn l-aħħar sentejn fil-pandemija tal-Covid-19 u qal li l-PN se jkun qed jgħinhom kemm finanzjarjament kif ukoll biex ikomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom.

Ian Vassallo ‘Hagi’ tkellem dwar il-kisbiet tal-PN fil-qasam tas-saħħa, fosthom il-bini tal-isptar tal-Onkoloġija. Vassallo semma kif il-PN se jkun qed jara li l-anzjani tagħna jkollhom l-aqwa kura fid-dar taħghom.

Josephine Xuereb appellat lill-poplu Malti u Għawdxi biex ma jibżax mill-bidla u fis-26 ta’ Marzu jivvota għall-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għaliex huma biss jistgħu jagħtu futur aħjar lill-pajjiżna wara l-problemi kollha li fl-aħħar snin ħoloq il-Partit Laburista.

Xuereb qalet kif huwa importanti li l-proposti tal-PN jaslu għandu kulħadd u appellat biex kulħadd ikompli jwassal il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.