Lokali Qorti

Il-proċeduri tal-“Koħħu” jistennew sakemm jiġi deċiż l-appell tat-“Topo”

Il-proċeduri fil-konfront ta’ Vince Muscat fuq l-attentat ta’ serqa tal-HSBC aktar minn 21 sena ilu jridu jistennew sakemm jiġi deċiż appell li ressaq Darren Debono. F’seduta quddiem il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Giovanni Griscti fil-konfront ta’ Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” rigward l-attentat ta’ hold-up fl-HSBC fl-2010.

L-Avukat Giannella Bussuttil f’isem l-Avukat Ġenerali nfurmat lill-Qorti li kien hemm proċeduri dwar ir-rifjut ta’ Debono, “It-Topo” li jixhed fil-proċeduri u ġie kundannat għal piena massima ta’ sitt xhur ħabs u multa ta’ €4,600 u dan talli ma kkoperax.

Hija qalet ukoll li sa fejn taf hi hemm appell pendenti minn naħa ta’ Darren Debono u għaldaqstrant talbet li l-proċeduri jibqgħu differiti sakemm jinqata’ l-appell. L-Avukati ta’ Muscat, Franco Debono u Roberto Montalto qalu li kull żvilupp li sar f’dawn il-proċeduri jikkonferma l-preokkupazzjoni espressa minnhom fis-6 ta’ Jannar li għadda meta kellu jibda l-ġuri

Qali li kien jeżisti periklu serju ta’ ‘miscarriage of justice’, Il-Qorti iddifferiet il-kawża għas-26 ta’ April fejn mhux mistenni li l-appell ikun ġie deċiż u allura probabbilment ikun hemm differiment. Sadanittnat is-sitt xhur ħabs li weħel Debono jiżdiedu mal-10 snin u sitt xhur ħabs u multa ta’ €18,000 fuq l-ammissjoni tal-attentat ta’ serqa tal-HSBC.

Darren Debono kien ammetta l-involviment tiegħu fl-attentat hold-up fuq il-fergħa prinċipali tal-HSBC ta’ Ħal Qormi fl-2010. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas iktar minn €11,000 fi spejjeż tal-Qorti. Il-ġuri ta’ Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” fuq akkużi simili kien ġie differit ‘sine die’ minħabba li Debono ried jagħti d-depożizzjoni tiegħu fil-kumpilazzjoni li reġgħet infetħet.

Debono xehed biss kontra Muscat u ma riedx jixhed kontra persuni oħra għax qal li kien qed jibża’.Peress li “It-Topo” ammetta lejliet li kellu jibda l-ġuri tal-“Koħħu” il-Qorti kienet ordnat li l-atti jintbagħtu lura fil-Qorti tal-Maġistrati biex Debono jinstema’ qabel jibda l-ġuri. L-imħallef iddeċieda li l-ġuri ma setax jibda dak inhar u l-każ ġie pospost ‘sine die’, sakemm tinstema’ l-evidenza ta’ Debono.

L-ammissjoni li saret permezz ta’ patteġġjament bejn Darren Debono u l-Avukat Ġenerali kienet wasslet għal għadab kbir fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija u dan peress li l-ftehom kien jinkorpora li akkuża ta’ attentat ta’ qtil fuq żewġ Pulizija, taqa’ għal waħda ta’ attentat ta’ feriti gravi, dan meta il-Pulizija kienu taħt periklu serju meta dak inhar kienu sparatti aktar minn 50 tir fid-direzzjoni tagħhom.