Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Michael Stivala f’kummenti li ta lil Lovin Malta iddeskriva l-proposti tal-Partit Nazzjonalista b’rabta ma’ kirjiet bħala inċentiv għal sidien il-kera u l-kerrejja biex isibu art komuni meta l-prezzijiet tal-kirjiet splodew ‘il fuq. Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi tnaqqis sostanzjali fir-rati tat-taxxa fuq kiri ta’ propjeta fuq tliet faxex differenti. Jiġifieri, bil-proposti tal-PN, kirjiet sa €300 fix-xahar ma jiġux intaxxati. Dawk ta’ bejn €301 u €600 jkunu intaxxati bis-7.5% filwaqt li kull kirja oħra ta’ ‘l fuq minn €600 jiġu intaxxati fil-15%. Dan ifisser li sid ta’ propjetà mikrija bi €300 fix-xahar jibqalu f’idejh it-€300 sħaħ. Minn naħa l-oħra min qed jikri b’rata ta’ €601 fix-xahar jibqalu dħul ta’ €511. Stivala qal li din il-proposta tirriffletti wkoll proposti simili tal-Assoċjazzjoni. Filfatt l-MDA kienet proponiet li sidien ta’ propjeta li kienet qed tinkera lil terzi għal aktar minn ħames snin ikollhom ir-rati tat-taxxa fuq dħul minn daqn il-kirjiet imnaqqsa drastikament. Dan, spjega il-President tal-MDA, ikun qed jaġevola lil dawk bi dħul baxx u li qed jgħixu fil-kera, kif ukoll ikun qed jinċentiva lis-sidien biex jikru fuq perjodi itwal milli għal sena biss. Fil-preżentazzjoni tal-proposta tiegħu, il-PN qal li l-għan ta’ skemi bħal dawn huwa li jissaħħaħ u jkun stimulat dan is-settur u li l-proposti ġew imfassla wara konsultazzjoni vasta fuq kull livell. U huma proposti li jsibu bilanċ u jissalvagwardjaw kemm lil sid il-kera kif ukoll li min qed jikri. |