Lokali Qorti

Sitt snin ħabs fuq serqa minn spiżerija u attentat ta’ serq fuq mara

Raġel ta’ 37 sena, bi problema akuta ta’ droga, residenti l-Gżira mar sitt snin ħabs wara li ammetta li seraq il-flus minn spiżerija f’Ta’ Xbiex u hedded lill-kaxxiera b’pistola finta, li kienet lighter. Minkejja li m’ammettietx attentat ta’ serq fuq mara li kienet miexja fit-triq għall-affari tagħha, huwa xorta  nstab ħati ta’ dan ir-reat.

Silvio Camilleri ammetta li fl-4 ta’ Diċembru 2019, fil-5.00pm. wettaq serqa armata mir-Remedies Pharmacy, iżda qal li ma kellux x’jaqsam fuq akkuża, li l-għada fis-6.15pm. ipprova jisraq il-basket ta’ mara fil-Gżira. Huwa rnexxielu jisraq madwar 250 ewro mill-‘cash register’ tal-ispiżerija.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, semgħet lil Camilleri jammetti li daħal jisraq mill-ispiżerija, iżda ċaħad li kellu arma regolari, u qal li hedded lill-kaxxiera b’lighter, li kienet tidher qisha pistola. “Dawn huma lighters forma ta’ revolver, li fis-suq hawn ħafna minnhom, u  ma stajt tagħmel xejn ħlief nixgħel,” sostna Camilleri mal-Maġistrat. Qal li l-mara li kienet qed taqdi lin-nies wara l-bank ma tagħtih il-flus li talabha, u sakemm tbaxxa biex jeħdilha l-flus mill-cash register, ġibditlu x-xalla biex kixfitlu wiċċu.

Dwar l-attentat ta’ serq fuq il-mara, mill-provi rriżulta li l-mara qalgħet daqqiet fuq wiċċha u spiċċat mal-art waqt li Camilleri ttanta jisirqilha l-basket, iżda ma l-pjan tiegħu ma rnexxiex. Xhud importanti f’dan il-każ kien raġel li nzerta  li kien fil-gallarija tar-residenza tigħu x’ħin seħħ il-każ, u ra kollox. Tenna li kien liebes ‘hoodie’ sewda u spiċċa ħarab minn fuq il-post. Madankollu dan ix-xhud irnexxielu jagħraf lil Camilleri meta ftit tal-jiem wara nqabad mill-Pulizija.

Prova oħra li wasslet għal Camilleri kienet li mill-filmati tas-CCTV, dawn juru lill-ħalliel liebes żarbun sportiv tal-Adidas bil-lazz, l-istess bħal ma kien liebes Camilleri fis-serqa mill-ispiżerija, u l-istess wieħed li kellu fuqu meta ġie arrestat mill-Pulizija mill-isptar Monte Carmeli, fejn kien miżmum dakinhar.

Huwa kien identifikat ukoll fl-awla mill-mara li aggredixxa, u li spiċċat b’wiċċa mbenġel kawża tad-daqqiet ta’ ponn li qalgħet. Fattur ieħor li wassal biex Camilleri jinstab ħati kien għall-fatt li x-xhieda tiegħu kienet waħda kontradittorja bil-Qorti tgħid li kien aħjar li kieku ma xehedx għax inqabad jigdeb

Il-Qorti qalet li huwa każ l wera, “li l-giddieb verament għomru qasir.” Innutat kif huwa qal li kien għaddej mill-akwati biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga, imma ma kienx liebes’ hoodie’ u kien miexi b’pass normali. Qalet li dan jikkontradixxi dak li qalu x-xhieda u anki dak li deher fil-filmati, u ddeskriviet l-ispjegazzjoni tiegħu bħala waħda “bla sens.”

Filwaqt li ma nstabx ħati li uża arma regolari waqt is-serqa, huwa nstab ħati għall-akkużi l-oħra, fosthom li ma kienx qed josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest għax ma kienx qed imur jiffirma l-għassa, kif ukoll li huwa riċediv.

Minbarra sitt snin ħabs effettivi, il-Qorti irtirat il-ħelsien mill-arrest li Camilleri kien ingħata f’żewġ każi separati oħra, u ordnat il-konfiska ta’ €25,000 li kien ħallas bħala garanzija. F’każ li dawn ma jitħallsux ikollu jagmel perjosu itwal il-ħabs. Huwa kien ordnat iħallas ukoll €1,400 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Fabian Fleri u Colin Sheldon.