Raġel li xtara u biegħ 180 vettura fuq medda ta’ seba’ snin irnexxielu jieħu aktar minn €43,000 f’benefiċċji tal-qgħad matul dak il-perjodu. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti ordnat lin-negozjant tal-karozzi ‘second hand’ biex jirrifondi l-flus, u ċaħdet it-tentattiv tiegħu li jikkonvinċi lill-istess Qorti li n-negozju tiegħu f’karozzi u muturi kien seħħ kawża ta’ diżordni mentali u li ma kienx għamel qligħ minnhom.
Ir-raġel, li ismu ma jiatax jixxandar minħabba l-kundizzjoni mentali tiegħu, ġie investigat mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali wara li ħareġ li kien irċieva eluf ta’ ewro f’benefiċċji soċjali, inkluż benefiċċji tal-qgħad. Dan waqt li kien involut fix-xiri u l-bejgħ ta’ 180 karozza u mutur bejn l-2012 u l-2018.
Id-dipartiment talab li jirrifondi l-benefiċċji li kien irċieva matul dak iż-żmien. Ir-raġel appella mid-deċiżjoni, u qal lill- Imħallef Lawrence Mintoff li 94 biss mill-180 vettura msemmija mid-dipartiment kienu attwalment reġistrati f’ismu. Minn dawn, 38 ġew skrappjati jew iggaraxxjati filwaqt li s-56 li fadal ġew trasferiti lil żewġt iħbieb li kienu negozjanti tal-karozzi bi skambju għal vetturi oħra.
Insista wkoll taħt ġurament li ma ħax qligħ min-negozju tal-karozzi. Id-dipartiment irribatta billi qal li fl-applikazzjoni tiegħu għas-servizzi soċjali fl-2011, ir-raġel kien iddikjara li ma kellu l-ebda assi ħlief karozza Rover. Madankollu, lista miġbura minn Transport Malta rriżulta li r-raġel kellu 186 vettura rreġistrata f’ismu bejn l-1992 u l-2019, fosthom sitta oħra fiż-żmien tal-applikazzjoni tiegħu.
Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Mintoff innota li r-raġel kompla jakkwista mudelli aktar ġodda, li wera li b’xi mod qed jiffinanzja dan l-istil ta’ ħajja. Anke jekk dan l-istil ta’ ħajja kien ikkawżat mill-kundizzjoni mentali tiegħu, kien hemm diversi passi li setgħu jittieħdu biex ma jaggravawx dik li sejjaħ “il-kriżi finanzjarja” tiegħu, billi ma jħallihx jagħmel tali trasferimenti.
Il-psikjatra tar-raġel xehed li l-akkużat kien ilu l-pazjent tiegħu għal dawn l-aħħar 10 snin u kien qed jikkurah għal disturb hekk imsejjaħ ‘obsessive-compulsive’ sever. Huwa qal lill-Qorti li r-raġel kien beda b’ossessjoni fissa fuq it-tattoos u mbagħad dawwar il-fissazzjoni tiegħu għall-karozzi u l-muturi.
Huwa kien fuq medikazzjoni għall-kundizzjoni tiegħu. Il-Qorti iżda ma kinitx konvinta dwar kif ir-raġel kien qed jiffinanzja dan l-istil ta’ ħajja, speċjalment peress li kellu mara u bint x’jieħu ħsieb. Ir-responsabbiltà kienet fuqu li jipprova li d-dipartiment kien iġġudikah ħażin u l-qorti ma sabet l-ebda raġuni biex tasal għal konklużjoni differenti minn dik li waslet mid-dipartiment. L-imħallef ordnalu jirrifondi l-benefiċċji.
//= $special ?>