Internazzjonali

“Aħna Ukreni. M’aħniex Russi. Qatt mhu se nerġgħu inkunu Russi”

Titkellem mara Ukrena li ħarbet minn pajjiżha

Omm ta’ tliet subien. Intreprenditriċi. Lhudija. Ukrena.

Din hi l-istorja ta’ Noa.  

Noa Kremenchutsky, omm żagħżugħa minn Kyiv, tirrakkonta minn xiex għaddiet hi, u x’inhi r-realtà ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Ukreni li sal-aħħar baqgħu jittamaw li l-gwerra kienet xi ħaġa li mhux se tmisshom.

Noa riedet tgħaddi messaġġ ċar lid-dinja.

Il-poplu Ukren ma jridx gwerra.

L-Ukreni QATT ma jaslu jweġġgħu lil xulxin. Aħna qatt mhu se neqirdu dak li bnejna.

Inħobbu lil artna, inħobbu s-sema tagħna, inħobbu l-ibħra tagħna, inħobbu l-ibliet tagħna. Kyiv hija l-belt kapitali ta’ poplu kbir.

Ħadd mhu se jeqred l-identità ta’ Nazzjon paċifiku, qalbu tajba u liberu.

Slava Ukraini!

Noa u t-tliet ulieda qabel bdiet il-gwerra f’pajjiżha

NetNews ingħaqad ma’ Noa permezz ta’ Skype. Illum hi tinsab f’post sigur fil-Greċja, ‘il bogħod minn art twelidha.

L-ewwel mistoqsija li għamilna lil Noa kienet waħda sempliċi.

Net News: Kif inti?

Noa: Illum ninsab tajba. Imma din il-mistoqsija ħadet tifsira tant differenti llum. Illum aħna m’aħniex f’artna. Jien illum tajba. Imma minix f’pajjiżi.

Net News: Min inti u kif kienet ħajtek sat-23 ta’ Frar?

Noa: Jiena Lhudija. Omm ta’ tliet itfal. Jiena Ukrena. Twelidt fi Dnipro.  Għixt ħajti kollha l-Ukrajna. Ngħix fi Kyiv, il-kapitali. L-Ukrajna huwa pajjiż inipendenti. Huwa pajjiż bit-territorju tiegħu, bil-lingwa tiegħu, bir-ruħ tiegħu. U jien parti minn din ir-ruħ.

Jiena intraprenditriċi. Għandi  katina ta’ ħwienet tas-sbuħija. Konna qed ngħixu ħajja normali qabel l-24 ta’ Frar. Kont se niftaħ tliet iħwienet ġodda. Kont qed nippjana, ngħix, niltaqa’ man-nies. Dik kienet ħajti.

Net News: Dan kollu nbidel ftit tal-jiem ilu. Tista’ tiddeskrivi kif għixt il-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna?

Noa: Ċemplitli ħabibti filgħodu. Qaltli ‘Noa l-gwerra bdiet. Rajna l-bombi’ imma jien ngħid il-verità bdejt ngħid ‘le, ma jistax ikun’. Ħriġt nimla t-tank tal-petrol tal-karozza u x’ħin ġejt lura qajjimt lill-ġenituri tiegħi u għiditilhom b’kont smajt.

U missieri qalli: ‘le le ma jistax ikun. Dan kollu spekulazzjoni. Rajt it-TV. Mhux qed jgħidu hekk. M’għandniex għalfejn niċċaqalqu minn hawn’. Imma ċċekkjajat l-internet u staqsejt fuq Facebook u kulħadd l-istess kelma, kulħadd kien sema’ li bdiet il-gwerra.

Qbadt lil uliedi, ppakkjajna u tlaqna.

Għamilna tliet sigħat nippruvaw noħorġu mill-belt, u fit-triq rajna t-tankijiet Ukreni. Uliedi staqsewni x’inhuma. Bdejt nibki. Għidtilhom ‘dawn il-militar. Se jiddefenduna. Se nkunu ok’.

Soqna lejn il-muntanji. Vjaġġ ta’ tmien sigħat ħadilna 20 siegħa. Imma anke hemm ma ħassejniniex siguri. Għamilna lejl hemm. Is-sitwazzjoni fil-fruntieri kienet tal-biża. Eluf ta’ persuni kienu qed jippruvaw joħorġu. Mal-fruntiera tal-Polona bħalissa hemm kju twil… iddum tistenna ħamest ijiem. Nisa, tfal, trabi, pets… Jistennew ġranet sħaħ.

Is-sitwazzjoni fil-fruntieri hija kerha. Nies bi stejjer tal-biki. Iltqajt ma xi ħadd, kien għadu kemm bena dar ġdida. Kien ilu ġimgħatejn fiha. Il-bombi qerduha fi ftit sekondi.

Lanqas nista’ nemmen li qed ngħixu din ir-realtà. Kultant ma nistax nemmen li għaddejjin minnha. Tlift xogħoli. Tlift l-appartament tiegħi. Tlaqt lill-ġenituri, lil nannti pparalizzata. Qegħdin Dnipro. Huma baqgħu hemm u issa qed jistennew biex jaraw jekk dawn in-nies hux se jibbumbarjdawhom jew le.

Ir-Russi qed jibbumbardjaw żoni residenzjali bla ħniena

Net News: Il-ġenituri tiegħek għadhom hemm…

Noa: Iva, il-ġenituri tiegħi baqgħu hemm. Il-ħbieb tiegħi marru post ieħor, aktar sigur suppost.  Qed jgħixu f’dar żgħira. Imma qed naraw, li dawn qed jibbumbardjaw id-djar iż-żgħar, bla ħniena. Irpin tista’ tgħid meqruda. Qed jisparaw fuq iċ-ċivili. Qed jisparaw fuq skejjel, kindergartens. Sparaw fuq ħabiba tiegħi.Din hija gwerra.

Net News: Tlift xi ħbieb diġà?

Noa: Iva. Ħabiba…

Net News: Intom u taħarbu, bżajtu għal ħajjitkom?

Noa: Dażgur. Għax aħna w’serjin lejn il-muntanji konna mwaħħlin fit-traffiku sigħat twal. U tibda’ tibża’ li ġejjin l-ajruplani jitfgħu il-bombi tagħhom. Anke meta wasalna u morna s-supermarket, in-nies ma bdewx jafdawna. Bdew jistaqsuna ‘min intom? minn fejn intom? għalfejn qegħdin hawn?’ u aħna bdejna ngħidulhom ‘l-aħwa aħna Ukreni. Aħna nitkellmu l-istess lingwa’.

Net News: Jiġifieri issa hemm dil-biża’ wkoll, li qisu ħadd mhu qed jafda lil ħadd?

Noa: Ir-realtà hi li mgħadniex ngħarfu lil xulxin. Jien dejjem tkellimt bir-Russu. Għomri kollu. Imma issa l-affarijiet inbidlu. M’għadniex ġirien. Ma rridx ikolli x’naqsam mal-poplu Russu. Anzi le, mhux mal-poplu, imma mad-dinja Russa.

Għax jien nemmen li l-poplu huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu twajjeb. U l-poplu huwa importanti – hu l-aktar importanti. Imma llum ma rridx nitkellem bir-Russu. M’għadniex aħwa.

U le l-Ukrajna m’għandhiex bżonn lir-Russja biex issalvaha. Din hi l-aktar idea assurda li qatt smajt. Qatt ma tlabna li jiġi xi ħadd isalvana. Aħna poplu liberu. Aħna ġġelidna għall-identità tagħna, għad-drittijiet tagħna.

Aħna Ukreni. Aħna m’aħniex Russi. U qatt mhu se nerġgħu inkunu parti mir-Russja. U din nista’ ngħidhielek f’isem il-poplu Ukren kollu. Aħna m’aħniex Russi. U din hija sofferenza kbira.

Noa kellmitna mill-Greċja

Net News: Il-ġenituri tiegħek u l-ħbieb, taf jekk humiex siguri? Għandek kuntatt magħhom?

Noa: Iva iva. Siguri. Għandi ħabiba tiegħi Kyiv. Kollox ok. Kyiv hija safe. Hemm gruppi sħaħ jieħdu ħsieb iqassmu ikel, mediċini, iwasslu n-nies. U nkellem lill-ġenituri tiegħu ukoll. Sa issa dejjem stajt inkellimhom. F’Mariupol differenti. Għandi ħbieb tiegħi ma jistgħux jikkomunikaw mal-ġenituri tagħhom.

Qerdu stazzjon tat-televiżjoni u allura qed ixandru propaganda Russa biss. Imma iva hemm min qed jgħin u jieħu ħsieb lin-nies tagħna.

Net News: X’taħseb mill-mod kif qed imexxi l-President Zelensky?

Il-President Ukren xammar idejh u wera’ xi tfisser tkun mexxej

Noa: Brillanti. Brillanti. Jien ma vvutajtx lil Zelensky imma l-mod kif qed jiġġieled, kif irnexxielu jitrasferixxi l-idea ta’ Nazzjon. Dan hu l-ewwel President Ukren sa mill-Indipendenza ‘l hawn li jien verament kburija bih. Brillanti.

Net News: Taħseb li dan sentiment ġenerali fl-Ukrajna?

Noa: Iva iva. Żgur.

Net News: Is-sitwazzjoni ma tidhirx li se tissolva malajr. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek?

Noa: Jien nagħżel li nibqa’ noħlom. Li nista mmur lura d-dar sa Mejju. Insaqqi l-pjanti li għandi. Niftaħ il-twieqi, noħroġ fil-gallarija. Nieħu nifs fond ta’ arja Ukrena. Ningħaqad mal-ħbieb tiegħi. Ma’ uliedi. Din hija l-ħolma tiegħi. Jalla jkun hekk.

Noa toħlom li terġa’ lura għall-ħajja tagħha fl-Ukrajna

Net News: Issa li qegħda f’post sigur, qed jirnexxielek tgħin lil nies oħra f’pajjiżek?

Noa: Qed nipprova ngħin organizzazzjoni li tieħu ħsieb ommijiet Ukreni li għandhom aktar minn tliet itfal. Niġbru ħwejjeġ, ikel u aktar għal nisa li qed jaħarbu. Lilna tawna wkoll. Kulħadd qed jgħin.

L-għajnuna hija kbira. Per eżempju, jien issa qegħda l-Greċja.

Sitt snin ilu krejt did-dar li qegħda fiha għal vaganza. Ftit tal-jiem ilu ċempilli Yannis, is-sid tad-dar. Qatt ma kont iltqajt miegħu. Qalli ‘Noa kif int?’ imbagħad qalli ‘ejja hawn. Għandek dar għalik. Ibqa’ hawn kemm hemm bżonn. B’xejn’.

Iva hawn ħafna nies qed jgħinu.  Jien lhudija. U l-komunità lhudija b’saħħitha ħafna kullimkien. Tkun fejn tkun tista’ tkellem lir-Rabbi u jipprovdulek ikel, saqaf fuq rasek, ħwejjeġ.

Imma xorta, iebsa li ma tkunx f’pajjiżek. Inħares lejn il-baħar sabiħ, imma jien mhux hawn irrid inkun. Irrid inkun f’pajjiżi, mal-ħbieb tiegħi, ma’ uliedi.

Net News: Illum jum il-mara. X’messaġġ għandek għan-nisa li għadhom fl-Ukrajna?

Noa: ‘Ibqgħu iġġieldu u nirbħu’. In-nisa b’saħħithom ħafna. Kien hemm mara fl-Ukrajna li ġġieldet drone Russu b’vażett basal. Dawn huma n-nisa Ukreni.

Ngħidilhom tbissmu ibqgħu iġġieldu. Slava Ukraini!

Noa tittama li ma ddumx ma terġa’ tingħaqad ma’ uliedha u l-ħajja tagħha terġa’ ssib xi tip ta’ normalità