Elezzjoni 2022 Lokali

Bernard Grech b’wegħdi ċari dwar it-trattament tal-IVF f’Malta u barra minn xtutna

“Inti għandek għażla. Jew tmur għal min ilu 10 snin fil-Gvern, u b’arronganza ma wettaqx pilastru ekonomiku wieħed jew tagħżel PN u t-team tagħna, biex flimkien miegħek, bil-fiduċja tiegħek, naħdmu flimkien anke jekk ma naqblux fuq kollox u nagħtu lil dan il-pajjiż il-futur li jixraqlu… imma dan il-futur jiddependi minnek.” Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jitkellem waqt attività politka taħt it-tinda fl-Isla.

Il-Kap tal-PN spjega kif meta sar jaf li għat-trattament tal-IVF, il-mediċina mhux veru li kienet b’xejn, il-Gvern Laburista kien ħareġ jgħid gidba li kulħadd kien jemmen. Għaliex Bernard Grech kien tkellem dwar dan, ir-risposta ta’ Robert Abela kienet li jibgħat nies fuq l-istazzjon nazzjonali fejn biex jippruvaw jirredikolaw dak li kien qed jgħid il-Kap tal-PN.

Bernard Grech spjega kif meta aktar koppji bdew jitkellmu dwar dan is-suġġett, tal-Partit Laburista bdew idawwru id-diskors għax ma kienx fadlilom għażla. Hu saħaq li “issa għaliex ġejja l-elezzjoni qed ibiddlu l-verżjoni.” Bernard Grech saħaq li “il-politka mhux hekk, irid ikollok il-ħolma u l-passjoni biex inti verament tgħin lin-nies.”

Filfatt, Bernard Grech ta l-kelma tiegħu u b’mod ċar saħaq li Gvern immexxi minnu mhux biss jagħti is-servizz u l-għodda kollha mingħajr ħlas imma anke il-mediċina lil dawn il-koppji li jixtiequ jsiru ġenituri.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar problema oħra li jaffaċċjaw dawn il-koppji hekk kif f’pajjiżna m’hawnx konsulent fiss u qed jiġu persuni minn barra minn żmien għal żmien. Bernard Grech appella biex hawnhekk, nagħtu aktar dinjità, fejn saħaq “se nkun qed nagħmel ħilti biex ikollna konsulent jew konsulenta fissa f’Malta.”

Iżda dan mhux biss, Gvern ġdid tal-PN se jaċċerta’ li dawk il-koppji li jixtiequ jew jagħżlu li jmorru barra minn xtutna għat-trattament tal-IVF, ser ikollhom kollox imħallas mill-Gvern Malti. Dan permezz ta’ ftehim ma’ pajjiżi oħrajn simili għal dawk li hemm relatati ma’ trattamenti oħrajn. Fir-rigward ta’ liġi partikolari li qed tagħmilha diffiċli ħafna għal dawn il-koppji biex jaqtgħu xewqithom, Bernard Grech saħaq li “jekk hemm bżonn inbidluha l-liġi, għaliex ma nistgħux inċaħħdu koppja miċ-ċans li jkollha tarbija. L-importanti li jkollok l-impenn politku u direzzjoni ċara li trid tgħin lin-nies.”

Matul din l-attività politka, Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-isport fejn spjega d-diversi proposti li l-PN għandu għal dan is-settur, fosthom li l-isport ikollu Ministeru ddedikat għalih. Fost l-oħrajn, Gvern ġdid tal-PN jibni ċentru ta’ eċċellenza sportiv ġdid f’pajjiżna. Dan filwaqt li fakkar kif Gvern Laburista ilu jwiegħed trakka tal-motorsport għal snin sħaħ u li baqgħet ma saritx. Minn naħa l-oħra, Bernard Grech impenja ruħu li din tkun prijorità assoluta għal Gvern ġdid tal-PN filwaqt li se jaċċerta li r-residenti tal-madwar ma jkollhomx inkonvenjent “għaliex anke huma għandhom dritt ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar.” Fost il-ħafna proposti ta’ Gvern ġdid tal-PN għall-isport, Bernard Grech fakkar fil-proposta ta’ għotja ta’ EUR500 lil nurseries sportivi, għal kull tifel jew tifel sa 18-il sena li jieħdu sehem fi programmi strutturati tal-isport. Il-PN, fost l-oħrajn se jirrikonoxxi l-eSports bħala sport uffiċċjali u strutturat, wieħed mill-pilastri ekonomiċi li se jinvesti biljun ewro fihom il-PN jekk jingħata l-fiduċja.

Bernard Grech saħaq li l-Partit Laburista sar jigdeb, jivvinta u jdawwar dak li jkun qed jgħid il-PN u qed jagħmlu hekk għaliex din l-unika arma li għandhom għaliex għadhom mingħajr programm elettorali u mingħajr viżjoni għall-pajjiż. Il-Kap tal-PN saħaq li hu għandu viżjoni għal pajjiżna, pjan ċar ta’ kif ser tikber l-ekonomija u jinħoloq il-ġid permezz ta’ 10 setturi ġodda tal-ekonomija. Minn naħa l-oħra Robert Abela telaq għal tiġrija mingħajr ma kien ippreparat.

Il-Kap tal-PN saħaq li anke l-billboards tal-PL fihom il-gideb. Dan b’mod partikolari fil-każ tar-rivużjoni tat-taxxa. Bernard Grech saħaq li l-PN se jkun qed jagħti aktar flus u mhux biss reviżjoni tat-taxxa. L-istess każ huwa dak tal-kirjiet ta’ qabel 1995, fejn Bernard Grech saħaq li PN fil-Gvern ser ikun qed jgħin lil kulħadd u mhux kif qed jgħid Robert Abela.

Waqt l-intervent tiegħu, Bernard Grech saħaq li l-verità hi, “li kieku ma nitkellmux aħna, kieku m’għandnix pjan serju, kieku se tibqa’ tinsteraq mill-kontijiet tad-dawl, l-ilma u t-taxxa.” Dan b’referenza għall-fatt li minkejja li fl-aħar ammetta li hemm is-serq fil-kontijiet, il-Gvern LAburista għadu ma solviex il-problema, għadu qed jisraq minn kull kont u għadu jisħaq li mhux ser jagħti flus lura. Il-Kap tal-PN saħaq li “l-għażla li għandhom in-nies f’din l-elezzjoni hija bejn il-gideb tal-Labour u bejn viżjoni ċara, iffukata u pożittiva ta’ kif ser jinħoloq il-ġid u kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Meta kien qed jitkellem dwar is-settur tal-Edukazzjoni, Bernard Grech fakkar li kif ilu jisħaq li l-edukaturi għalih huma prijorità u ser jaċċerta’ li jekk ikun fdat mill-poplu, ser ikun qed itejjeb il-kundizzjonijiet tal-edukaturi kollha, fosthom il-wegħda ċara ta’ paga aħjar. Hawnhekk fakkar kif il-Gvern Laburista qatt ma ta importanza lis-settur tal-edukazzjoni għaliex anke Ministru tal-Edukazzjoni biddel ħafna drabi. Bernard Grech saħaq li hu jrid jinvesti bis-serjetà fl-edukazzjoni, permezz ta’ riforma sħiħa biex din tiġi waħda fejn l-istudenti jiffurmaw ruħhom u mhux biss jiffurmaw biex b’hekk jiżviluppaw bl-aħjar mod possibbli. “Irridu ċittadini li jkollhom ħila akbar janaliżżaw u jikkritikaw permezz ta’ ħsieb ħieles. Ser inkomplu ninvestu fikom biex inthom tkompu tmexxu ‘l quddiem dan il-pajjiż”, qal Bernard Grech meta fakkar fil-proposta ta’ vawċer ta’ 500EUR li qed joffri l-PN liż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu imorru jiksbu esperjenza barra minn xtutna.

Il-Kap tal-PN fakkar fost l-oħrajn f’proposta oħra li direttament tolqot liż-żgħażagħ sa 21 sena li bi Gvern Nazzjonalista ma jħallsux bolla, biex jibqalhom il-flus fil-but. “Ninvestu fikhom għaliex inthom il-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż,” qal Bernard Grech. Matul id-diskors tiegħu, hu saħaq kif matul din il-Kampanja Elettorali kompla jiltaqa’ ma ħafna persuni, korpi kostitwiti u NGOs biex jikkonsulta dwar il-programm elettorali tal-PN, biex b’hekk ikun jista’ jtejjeb il-viżjoni tiegħu għal Malta.