Edukazzjoni Elezzjoni 2022 Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista kommess li jkompli jinvesti fiż-żgħażagħ u l-istudenti

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat mis-Sinjura AnneMarie Grech dalgħodu għamlu żjara fl-MCAST f’Raħal Ġdid.

Matul din iż-żjara huwa kellu l-opportunità jitkellem ma’ diversi studenti li bħalissa qed isegwu kors fl-MCAST. Huwa tkellem magħhom dwar il-viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista għaż-żgħażagħ u l-istudenti.

Mal-istudenti tal-MCAST, Bernard Grech seta’ jispjega l-viżjoni tiegħu għal Malta… waħda li fiċ-ċentru tagħha hemm dawn iż-żgħażagħ hekk kif il-PN qed jipproponi li jibni l-ekonomija fuq 10 setturi ekonomiċi ġodda permezz ta’ investiment ta’ biljun ewro. Dan l-istess kif kien għamel fil-passat meta permezz tal-MCAST u s-setturi tal-manutezzjoni fl-ajruplani u s-setturi finanzjarji, bena ekonomija li trendi u tħalli pagi b’saħħithom.

Intant, filwaqt li l-PN qed iwiegħed MCAST ġdid f’Għawdex, il-Kap tal-PN spjega kif ser ikun qiegħed jaħdem biex ħadd ma jibqa’ lura.

Kienu diversi dawk li faħħru l-proposta tal-PN li se jżid l-iStudents’ Maintenance Grants b’25%. Pero b’mod partikolari, intlaqgħet tajjeb ħafna l-proposta li jiżdied b’25% addizzjonali, l-istipendju tal-istudenti li jwettqu volontarjat ma’ xi organizzazzjoni volontarja reġistrata, bħala rikonoxximent għall-kontribut tagħhom lis-soċjetà.

Fid-dawl tal-fatt li ħafna minn dawk li tkellmu ma’ Bernard Grech spjegaw kif wara l-istudji tagħhom qed jippjanaw li jiltilqu minn pajjiżna, il-Kap tal-PN fakkar fil-proposta ta’ vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena għal ivvjaġġar sportiv jew kulturali, ħalli jwessgħu il-perspettiva sportiva u kulturali tagħhom, biex imbgħad jirriornaw lura f’pajjiżna biex jibnu l-futur tagħhom.

Hawnhekk issemmew b’mod partikola l-10 setturi ekonomiċi ġodda li Gvern ġdid tal-PN ser jinvesti fihom. Setturi li laqtu ħafna lill-istudenti tal-università għaliex jidher ċar li dawn ser isaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna u jħallu aktar pagi li jrendu f’diversi oqsma differenti. Il-Kap tal-PN filfatt spjega kif ser jaċċerta li jagħmel mill-edukazzjoni settur ekonomiku ġdid li jħaddan fih l aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna bħala punt ta’ riferiment reġjonali tal-għerf, l-innovazzjoni u t-tagħlim u t-taħriġ f’setturi moderni f’industriji ġodda.

Uħud mill-istudenti li tkellmu ma’ Bernard Grech saħqu li wara l-istudji tagħhom jixtiequ li jkunu jistgħu jixtru l-ewwel propjetà tagħhom u faħħru l-proposti konkreti li l-PN għandu għal dan is-settur. Filfatt, il-PN se jsaħħaħ l-politika dwar akkomodazzjoni affordabbli b’sistema ġdida tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali, li tvarja skont il-prezzijiet tad-djar. Il-PN se jiżgura wkoll li fejn jidħlu l-proprjetajiet residenzjali lesti, li jilħqu għadd ta’ standards bażiċi u bi prezz sa €120,000, ix-xerrejja ma jħallsux taxxa tal-boll, filwaqt li Gvern tal-PN jipprovdi sussidju għall-imgħax fuq is-self.