Fl-ewwel dibattitu ta’ ‘Din hija l-Ewropa’, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza li r-rispons tal-Ewropa għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja ikun proporzjonat għat-theddida serja u reali tas-sigurtà kollettiva tal-Unjoni Ewropea.
Roberta Metsola saħqet li l-koordinazzjoni, is-solidarjetà u l-għaqda bla preċedent għandhom ikunu l-pjan tal-Unjoni Ewropea sabiex nimxu ’l quddiem.
“Dan huwa ż-żmien fejn għandna nieħdu passi deċiżivi sabiex niżguraw is-sigurtà tal-Ewropej kollha. Dan huwa żmien biex nibnu unjoni ta’ sigurtà u difiża reali. Dak li rajna s’issa f’termini ta’ koordinazzjoni, solidarjetà u għaqda Ewropea huwa bla preċedent – u dan għandu jkun il-pjan għal dak li nagħmlu ‘l quddiem,” sostniet il-President tal-Parlament Ewropew.
Roberta Metsola indirizzat l-ewwel dibattitu ta’ ‘Din hija l-Ewropa’ mal-Prim Ministru tal-Estonja Kaja Kallas. Filfatt, il-President tal-Parlament Ewropew irringrazzjatha talli laqgħat l-istedina u tenniet “Aħna kuntenti ħafna li nilqgħuk fostna, issa bħala Prim Ministru tal-Estonja, Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jaqsam fruntiera ta’ kważi 300 kilometru mar-Russja. Ħa nassigurak Prim Ministru li se ssibna flimkien sabiex nopponu din l-invażjoni, u sabiex niżguraw li d-demokrazija tirbaħ. Aħna f’solidarjeta sħiħa mal-Ukrajna.”


