Sport Waterpolo

Exiles u Sliema fil-quċċata tal-gruppi rispettivi bit-tieni rebħa tagħhom

Rapport: Stewart Said

EXILES ……………………………. 9

VALLETTA IZIBET……………. 7

(2-0), (2-1), (4-2), (1-4)

Exiles kisbu t-tieni rebħa f’konfront li ddettaw għal ħafna ħinijiet. Huma kienu taħt it-tmexxija ta’ Dejan Ilic għal darba oħra filwaqt li kienu mingħajr Philip Paris, Timmy Sullivan, Sean Xerri de Caro u Nicky Paris. Valletta fuq in-naħa l-oħra nġabru ftit lejn l-aħħar hekk kif setgħu għamlu ferm aħjar f’ħafna mill-attakki li kellhom.

Niall Saliba u Mark Fenech taw vantaġġ doppju lil Exiles fl-ewwel sessjoni, b’Luke Hyzler ifalli ċ-ċans tal-1-1 minn penalty. Sa nofs it-tieni sessjoni, il-vantaġġ kiber għal 4-1, b’Valletta jippruvaw jidħlu fil-logħba.

Exiles baqgħu jżommu l-vantaġġ tripplu fit-tielet sessjoni. Valletta kellhom man-up lejn nofs is-sessjoni, bil-kowċ Joe Cremona jsejjaħ time-out bl-għan li jiskorjaw minn dik l-azzjoni. Il-gowl ma wasalx iżda saħansitra kienu Exiles li marru 6-2 mill-attakk sussegwenti.

Max Aquilina għalaq il-logħba b’gowl lejn tmiem it-tielet sessjoni u ieħor fil-bidu tal-aħħar sessjoni għal distakk ta’ 9-3. Kien fl-aħħar ħames minuti tal-logħba li Valletta skorjaw erba’ darbiet.

Exiles: M. Castillo, N. Saliba (1), S. Apap, M. Martellacci, L. Gialanze (1), M. Fenech (3), K. Griscti, J. Bajada, M. Aquilina (3), D. Fenech (1), G. Borg

Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia (2), M. Pace, L. Hyzler (1), Z. Micallef, T. Said, D. Paolella (3), M. Mifsud (1), S. Micallef, A. Agius, K. Galea, O. Zammit, A. Bugeja, L. Felice

Referees: Ronnie Spiteri, Neville Mercieca

SIRENS MECCA MARIN……. 3

SLIEMA FRANK SALT………. 14

(0-4), (1-2), (0-5), (2-3)

Rebħa oħra konvinċenti għal Sliema F rank Salt, din id-darba kontra Sirens Mecca Marin. Għal Sliema rritorna Jerome Gabarretta li kien assenti fl-aħħar logħbiet minħabba li kien imweġġa’. Neqsin kien hemm Liam Galea, Benji Cachia, Matthew Mifsud u Jamie Gambin.

Man-up skorjat minn Kieyan Borg segwit minn tliet gowls fit-tieni parti tal-ewwel sessjoni taw vantaġġ ta’ 4-0 lil Sliema. Dino Zammit kompla jkabbar il-vantaġġ b’doppjetta fit-tieni sessjoni, b’Ken Erodgan inaqqas id-distakk fl-aħħar minuta tas-sessjoni minn penalty.

Jekk id-distakk ta’ Sliema ma kienx biżżejjed, huma għamlu ċert mir-rebħa fit-tielet sessjoni b’ħames gowls mingħajr risposta. Huma amministraw l-aħħar sessjoni, b’Sirens irnexxielhom jaqsmu ftit l-aħħar sessjoni mal-avversarji.

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan (1), J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory, G. Farrugia (1), M. Chircop, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras, O. Gauci, K. Agius

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, J. Saliba, D. Rizzo (2), M. Meli (2), J. Cutajar (1), J. Brownrigg (3), K. Borg (3), Z. Mizzi, D. Zammit (3), A. Theuma, T. Camilleri

Referees: Stefan Licari, Peter Balzan

Kif Jinsabu

Grupp A

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Exiles                   2        2        0        0        29      9        6

Neptunes            2        2        0        0        17      3        6

Birżebbuġa         2        2        0        0        20      16      6

Valletta               2        0        0        2        15      18      0

Ta’ Xbiex             2        0        0        2        11      23      0

Otters                 2        0        0        2        2        25      0

*Neptunes ingħataw walk-over ta’ 5-0 kontra Otters

Grupp B

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Sliema                  2        2        0        0        28      8        6

San Ġiljan            1        1        0        0        14      0        3

Marsaskala         2        1        0        1        26      18      3

Sirens                   1        0        0        1        3        14      0

Barracudas         2        0        0        2        4        35      0

Logħob li jmiss

Il-Ġimgħa

Grupp A: Valletta v Otters 6.30pm, Neptunes v Birżebbuġa 7.35pm