Elezzjoni 2022 Lokali

Gvern Nazzjonalista se jwaqqaf fond ta’ €40 miljun fis-sena biex il-Gvern jassisti lill-industrija lokali

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem Ewlieni tal-Patit Nazzjonalista Peter Agius flimkien mad-Deputat Jason Azzopardi u l-Kandidat Noel Muscat, il-PN saħaq li Malta hija gżira-stat imdawra bil-baħar u dan joħloq insularità f’termini ta’ sfidi ekonomiċi u allura spejjeż finanzjarji żejda għal kulħadd.

Il-PN saħaq li jeħtieġ li negħlbu din l-insularita li qed ixxekkel il-livell tal-għixien u l-kwalita tal-ħajja tal-poplu Malti kollu, rifless fl-għoli tal-ħajja dejjem jiżdied. Dan għaliex din l-insularità tfisser aktar spejjeż għall-importutur u għall-esportatur.

Biex jindirizza dawn l-ineffiċjenzi l-PN għandu pjan integrat ta’ appoġġ loġistiku għall-industrija lokali. Dan billi jitwaqqaf fond nazzjonali ta’ €40 miljun fis-sena biex il-Gvern jassisti lill-industrija lokali, imprendituri u SMEs biex jitnaqqsulhom id-diffikultajiet u spejjeż żejda kkawżati mill-insularita’ ta’ gżiritna.

Il-PN se jinvestu f’intermodal hub internazzjonali strateġiku u ħolistiku li jgħaqqad il-merkanzijja trasportata b’modi differenti minn, lejn u f’pajjiżna. Ser jinvesti wkoll f’infrastruttura fiżika u virtwali, biex jingħaqdu l-ajruport u l-portijiet marittimi, bl-użu aktar estensiv tal-leġiżlazzjoni li tiffaċilta t-tfassil ta’ Free Zones f’żoni f’pajjiżna.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jżid ukoll l-aċċessibilita għal prodotti u għas-servizzi Għawdxin għall-Maltin u dawk Maltin għall-Għawdxin – billi jonqsu l-ispejjeż għall-operaturi involuti fit-trasport tal-merkanzija bejn Malta u Għawdex.

Se tissaħħaħ ukoll, l-infrastruttura lokali sabiex prodotti mixtrija mill-konsumatur Malti b’mod diġitali jaslu għandu bl-aktar mod effettiv u faċli u bl-inqas inkonvenjent u spejjeż kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-bejjiegħ. Dan billi: Jonqsu l-ispejjeż relatati mat-trasport, titjieb l-infrastruttura loġistika, ikun inċentivat l-investiment f’aktar ċentri ta’ distribuzzjoni u magni awtomatiċi għall-ġbir. Kif ukoll jiġu offruti inċentivi fiskali biex jiġu użati mezzi ta’ trasport li ma jniġġżux.

Il-PN qed jipproponi li jiimmodernizza id-Dwana billi jinvesti f’infrastruttura fiżika u diġitali ħafna aktar moderna, iżid ir-riżorsi waqt li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-Uffiċjali tad-Dwana.