L-indikazzjonijiet huma li r-residenti f’Mariupol, fix-xlokk tal-Ukrajna, fadlilhom biss provvisti tal-ikel għal tlett ijiem u meta huma, issa, qed ilestu għal ġranet konsekuttivi karatterizzati mill-ġuħ.
Il-belt ta’ Mariupol – li tinkorpora port ewlieni — hi fost l-inħawi li ġarrbu l-agħar impatt tal-invażjoni Russa. Dan fost rapporti dwar numru kbir ta’ katavri fit-toroq u li l-awtoritajiet lokali kellhom iħaffru qabar tal-massa għall-vittmi tal-bumbardamenti wara li ċ-ċimiterji saru ‘inaċċessibbli’ fost l-attakki mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.
Ir-rapporti qalu wkoll li Mariupol u l-madwar qed ikunu suġġetti għall-carpet bombing (bumbardamenti minn tarf sa tarf tal-belt) mill-qawwiet tal-ajru Russi minkejja li f’din il-belt mhemm l-ebda infrastruttura militari. Intant, l-Ukreni qed isejjħu biex il-pajjiżi tal-Punent ‘jirrikonoxxu li diġà bdiet it-Tielet Gwerra Dinjija’ fost l-insistenza li l-Istati Uniti tippermetti biex il-Polonja tgħin lill-Ukrajna bl-għoti ta’ ajruplani tal-gwerra antiki tat-tip MiG-29.
//= $special ?>