Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-Ġermanja mhix se tibgħat l-ajruplani lill-qawwiet ta’ Kiev

Il-Ġermanja qalet li mhix se tibgħat l-ajruplani tal-gwerra lill-Gvern tal-Ukrajna minkejja t-talbiet insistenti minn Kiev biex jingħata ‘il-qawwiet tal-ajru’ ħalli jikkumbatti lill-Armata ta’ Vladimir Putin b’mod aktar effettiv.

Dan ukoll wara li l-Istati Uniti ċaħdet l-offerta tal-Polonja biex tittrasferixxi fighter-jets tat-tip MiG-29 lill-Ukreni, permezz ta’ bażi tal-Amerikani fil-Ġermanja.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, qal li l-Ġermanja provdiet kull tip ta’ materjal difensiv, inklużi l-armi, lill-Ukreni. Madankollu, hu għamilha ċara li l-ajruplani tal-gwerra mhumiex se jkunu parti minn din l-għajnuna.

Il-Gvern tar-Renju Unit, qal li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna għandha ssir bil-wisq aktar perikoluża f’każ li l-piloti u l-ajruplani tan-NATO jibdew iwaqqgħu lill-ajruplani tar-Russi. Madankollu, il-Prim Ministru Boris Johnson tenna mill-ġdid li hu lest biex jipprovdi lill-Ukrajna bl-armi li għandhom bżonn biex huma jirreżistu l-invażjoni ta’ pajjiżhom.