Eluf ta’ ċivili Ukreni, fl-aħħar sigħat, ħadu ftit tan-nifs mill-konflitt bla heda li ilu għaddej mindu l-Armata tar-Russja invadiet lill-Ukrajna ‘fuq missjoni biex telimina lill-elementi Nażisti’ fost it-Tmexxija ta’ Kiev. U waqt li komplew il-bumbardamenti fuq iz-zoni residenzjali fl-Ukrajna, eluf ta’ ċivili, issa, irnexxielhom jaqsmu lejn inħawi anqas perikolużi. Dan wara li l-qawwiet tar-Russja kienu kisru l-ftehim preċedenti biex ir-residenti ċivili tal-ibliet Ukreni jaħarbu mill-battalji permezz ta’ rotot tas-sigurtà miftheima min-naħat rispettivi.
Fl-aħħar sigħat ukoll deher qed iżomm ftehim għal waqfien mill-ġlied fil-belt ta’ Sumy, lejn il-grigal tal-Ukrajna, fost tamiet li aktar residenti ċivili se jkunu jistgħu jaħarbu lejn inħawi oħrajn fejn il-ġlied mhux daqstant intensiv.
Ir-rapporti qalu li mas-7,000 ċivili spiċċaw evakwati minn Sumy li kienet ilha l-jiem suġġetta għall-bumbardamenti mill-qawwiet tal-President Russu Vladimir Putin. Dan waqt li l-Viċi Prim Ministru tal-Ukrajna, Iryna Vereshchuk, qalet li r-Russja issa qablet dwar ftehim għal waqfien mill-ġlied, validu għal 12-il siegħa, li jippermetti biex iċ-ċivili Ukreni jaħarbu mill-agħar inħawi tal-konflitt.
Madankollu, ingħatat ukoll konferma li talanqas 25 ċivili, inklużi tfal, sfaw maqtula waqt attakki mill-qawwiet tal-ajru Russi fuq il-belt ta’ Sumy matul il-lejl tat-Tlieta.
Intant, is-sorsi qrib it-Tmexxija tar-Russja qalu li qegħdin jinfetħu aktar rotot ta’ sigurtà għaċ-ċivili Ukreni f’numru ta’ bliet Ukreni bħal Kiev, Chernihiv, Kkarkiv, Izyum u Mariupol. Dan wara li fallew l-isforzi preċedenti biex is-sigurtà taċ-ċivili tkun iggarantita fost inizjattivi simili biex ma jinxteridx aktar demm tal-innoċenti.
Iżda minkejja l-iżblokk umanitarju, il-konflitt qed ikompli bl-istess instensità lejn in-naħa ta’ fuq u l-majjistral ta’ Kiev. Dan meta l-qawwiet tar-Russja għaddejjin b’fażi ġdida tal-offensiva fuq il-kapitali Ukrena – u fejn qegħdin jitilfu dejjem aktar truppi u tankijiet tal-gwerra.
//= $special ?>