Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Tħassib ġdid dwar l-impjant ta’ Chernobyl

L-awtoritajiet Ukreni huma mħassbin dwar il-ħsarat ‘dovuti għall-gwerra’ fl-eks-impjant nukleari ta’ Chernobyl – is-sit tal-inċident nukleari tal-1986 li jibqa’ l-agħar fl-istorja tal-Ewropa. U għalkemm l-International Atomic Energy Agency (IAEA) sejħet għall-kalma, l-Ukreni ħeġġew biex ir-Russja tħabbar waqfien mill-ġlied minnufih li jippermetti għat-tiswijiet urġenti fl-impjant.

Il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Dmytro Kuleba, intant, irrefera għall-ġeneraturi b’kapaċità limitata biex iżommu l-impjant għaddej u li issa żdiedet il-possibbiltà li jieqfu l-cooling systems tal-faċilità li qed iżżomm il-fuel nukleari skadut – ‘bir-riżultat li l-leaks tar-radjazzjoni jistgħu jkunu imminenti’.

Il-kumpannija nukleari Energoatom, tal-Istat, qed iwissi li kull leak mill-impjant kapaċi jiġġenera ‘daħna ta’ radjuattività li titmexxa bir-riħ lejn bnadi oħra tal-Ukrajna, flimkien mal-Belarus, ir-Russja u bnadi oħra tal-Ewropa’.