“Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jinvesti fil-qasam tal-edukazzjoni kemm fl-għalliema kif ukoll fl-istudenti.”
Hekk stqarr Clifford Zahra Fenech, għalliem u żagħżugħ li ndirizza l-attività politika tal-Partit Nazzjonalista li saret illejla fl-Isla.
Zahra Fenech fakkar kif il-PN tul is-snin investa fl-edukazzjoni u għamel dan għaliex dejjem emmen fl-individwu u li l-persuna għandha tkun fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Hu żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista ma jibżax mill-kritika u se jkun qed jinvesti fil-ħiliet tal-istudenti biex dawn ikomplu jikbru u jiżviluppaw. Il-Partit Nazzjonalista se jkun ukoll qed jinvesti fl-għalliema. Waħda mill-proposti tal-PN li tiżdied il-paga tal-għalliema kif ukoll li tinbena kultura ta’ rispett lejn l-għalliema.
Clifford Zahra Fenech semma numru ta’ proposti li l-Partit Nazzjonalista fassal għaż-żgħażagħ u l-istudenti. Fosthom il-proposta ta’ żieda ta’ 25% fl-istipendju u żieda addizjonali ta’ 25% oħra għal dawk li jinvolvu ruħhom f’għaqdiet volontarji.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti wkoll għotja ta’ €300 lill-ġenituri ta’ dawk it-tfal li għandhom anqas minn 18-il sena li jieħdu sehem f’xi programm estrakurrikulari strutturat u rreġistrat ma’ assoċjazzjoni konformi mal-ESG.
//= $special ?>