Lokali

Inawgurazzjoni ta’ ktejjeb miktub minn persuni li esperjenzaw vjolenza domestika

The Creative Voice that does not Shake huwa publikazzjoni minn nisa li għaddew minn esperjenza ta’ abbuż u li jgħixu l-Milja, Fondazzjoni Sebħ, fejn ġie inawgurat fit-8 ta’ Marzu fl-okkażżjoni ta’Jum il-Mara. 

Permezz ta’ din il-publikazzjoni n-nisa ngħataw spazju biex jesprimu lilhom infushom permezz ta mezzi krejattivi bħal arti, poeziji, kitba u talb.  Il-ktejjeb ta’ l-opportunita` lil dawn in nisa joħolqu għarfien dwar abbuż u vjolenza li għadha tezisti minkejja li saru diversi progressi fil-ħajja tan-nisa madwar id-dinja. 

Dan il-ktejjeb setgha jsir rejalta` grazzi għas-sapport kontinwu ta` l-Association of International Women in Malta li f’din l-okkażżjoni koprew l-ispejjes tal-printing, u b’hekk komplew jagħtu messaġġ lil dawn in-nisa li il-vuċi tagħhom huwa mportanti u li huma mportanti.

Yvonne Mallia, Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ, introduċiet l-avveniment  b’toqol u swied il-qalb fid-dawl tal-qtil ta’ Rita Ellul allegata vittma oħra ta’ vjolenza domestika, ġimgħa biss ilu – t-tieni femiċidju matul din is-sena wara l-qtil ta Paulina Dembska.  Fl-istess waqt esprimiet ukoll  emozzjonijiet ta’ kuraġġ u ta’ tama, għaliex qed twassal  il-vuċi ċara b’messaġġi li juru t-tbatijiet li jgħaddu minnhom nisa vittmi ta’ vjolenza u wliedhom, iżda wkoll messaġġi mimlija kuraġġ dirett mingħand persuni li esperjenzaw il-vjolenza domestika.  

Yvonne Mallia rringrazzjat lin-nisa talli huma “lesti li juri s-soċjeta` it-tbatija li jgħaddu minnha, it-tamiet tagħhom għalihom, uliedhom u għal nisa oħra.”  Appellat lis-soċjeta` biex tisma sew il-vuċi ċara ta’ dawn in-nisa, tablet biex flimkien naġixxu kontra l-vjolenza domestika u fakkret li l-vittma qatt m’għandha ġġorr ir-responsabilita` ta` dak l-abbuż li ġġarrab. 

Il- preżenza ta’ Ms Friggieri, Kummissarju tal-Vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, u s-sapport tagħha għal din l-inizjattiva jkompli jgħati valur lill-vuċi ta’ dawn in-nisa.  Ms Friggieri tenniet li dawn huma nisa li jafu x’inhi l-umiljazzjoni, s-solitudni, id-disperazzjoni u l-biża’, li huma għelbu permezz tal-imħabba, tat-tama, u tal-kuraġġ. Huma qed jaqsmu dan kollu magħna permezz ta’ din il-pubblikazzjoni li qed tiġi mnehdija f’Jum il-Mara 2022. 

“Fl-aħħar mill-aħħar l-esperjenzi tagħhom huma esperjenzi umani, u hekk kif qed jaqsmuhom magħna, qed jgħallmuna dwar il-ħajja, kif ukoll dwar l-ikbar imħabba li hemm –  dik li tħobb lilek innifsek.  Mingħajrha din ma tista’ tħobb  ‘l ħadd tassew.  Dawn in-nisa rebħu waħda mill-ikbar battalji li jista’ jkollna f’ħajjitna –  dik li nissieltu fis-skiet kontra d-dlamijiet li jaħkmuna,  filwaqt  li nfittxu ġewwa fina dik is-saħħa li għandna bżonn biex nibnu lilna nfusna minn qalb it-tkissir li jġibu magħhom  l-abbuż u l-vjolenza mingħand xi ħadd  li ħabbejna u ma’ min ħlomna dwar ħajja sabiħa flimkien. Għalkemm aktarx li ma nsibuhomx jimmarċjaw fit-toroq f’Jum il-Mara ‘l dawn in-nisa,  huma  gwerriera  u rebbieħa!”

Waqt l-attivita ġie osservat minuta silenzju biex jiġu onorati nisa f’gwerrer u żoni ta’ kunflitt li esperjenzaw stupru u diversi torture ohra.