Futbol Sport

Karim Benzema l-eroj għal Real Madrid fir-rimonta kontra PSG

(Ritratt: EPA)

B’rimonta mill-aqwa Real Madrid għamluha fil-kwartifinali tal-UEFA Champions League meta fil-Bernabeu għelbu lil PSG bl-iskor ta’ 3-1. PSG ħasbu li fetħu l-iskor fit-33 minuta meta Nuno Mendes għadda lejn Kylian Mbappe li xeħet fix-xibka, bil-gowl ikun imħassar għal pożizzjoni ta’ offside.

Biex fid-39 minuta huma marru fil-vantaġġ meta minn kontrattakk veloċi Neymar għadda lejn Kylian Mbappe li xeħet fil-baxx wara Thibaut Curtouis għal 1-0. Kontra x-xejra tal-logħob Real Mardid kisbu d-draw fis-60 minuta meta Gigi Donnarumma naqqas milli jtajjar il-ballun, b’Vinicius Jr. jqassam lejn Benzema li mill-viċin xeħet ġewwa għal 1-1.

Biex fil-75 minuta Real Madrid dawwru r-riżultat meta Luka Modric għadda lejn l-attakkant Karim Benzem, li minn quddiem Curtouis ma ħafirx għal 2-1. B’PSG maħsuda bit-tieni gowl, minuta wara Real Madrid skorjaw it-tielet gowl meta minn żball difensiv ta’ Marquinhos, reġa’ kien Karim Benzema li għaqqad il-hat-trick personali u xeħet fix-xibka għal skor finali ta’ 3-1.

Fil-partita l-oħra kienu Man City li kkwalifikaw għal mal-aħħar tmienja meta temmew fi draw ta’ 0-0 kontra Sporting. Man City kienu serrħu rashom mill-kwalifikazzjoni wara li fl-ewwel leg għelbu lil Portugiżi bl-iskor ta’ 5-0.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE

Illum: Real Madrid v PSG 3-1 (3-2), Man City v Sporting 0-0 (5-0)