Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs ta’ Abela jibqgħu jisfidaw lill-Ewropa dwar il-bejgħ tal-passaporti

Kienu fost it-12-il MEP minn 681 li vvutaw kontra s-sospensjoni ta' dawn l-iskemi

Ftit tas-sigħat ilu, il-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw b’mod assolut biex jitwaqqfu l-iskemi kollha li jbigħu il-passaporti.

Minn 681 MEP kienu biss 12 dawk li vvutaw kontra. Erba’ minnhom kienu l-MEPs’ ta’ Robert Abela – Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar, Cyrus Engerer u Alfred Sant. L-erba’ MEPs tal-Labour kienu l-uniċi membri tal-Partit Soċjalista fil-Parlament Ewropew li vvutaw kontra s-sospensjoni tal-iskemi.

Waqt id-dibattitu li sar nhar it-Tnejn dwar dawn l-iskemi kontroversajli, ħadd mill-partiti tal-Parlament Ewropew ma tkellem favurihom. L-MEPs tal-Parit Laburista kienu assenti għal dan id-dibattitu.

Il-Gvern Malti jidher li se jibqa’ jistina rasu u mhux se jagħmel dak li qed titolbu l-Ewropa u twaqqaf il-bejgħ tal-passaporti. B”kuntrast, il-Bulgarija u Ċipru waqqfu skemi simili immedjatament malli l-UE bdiet titlob is-sospensjoni tagħhom.

Imma l-Gvern Malti għadu jirreżisti, u minflok sa issa waqqaf biss temporanjament il-bejgħ ta’ passaporti Maltin lil ċittadini Russi u tal-Belarus.

Dan qed iwassal biex il-membri stati l-oħra tal-Unjoni Ewropea spiċċaw ifferoċjati għall-mod il-Gvern Malti qed iwebbes rasu u jidher determinat li jibqa’ jbigħ il-passaporti Ewropej.