F’diskors negattiv għall-aħħar, b’attakk wieħed wara l-ieħor fuq il-Partit Nazzjonalista, Robert Abela indirizza attività taħt it-tinda tal-Labour f’Ħaż-Żabbar – fejn iħossu komdu bl-iskript lest ‘il bogħod mill-media indipendenti.
Abela sostna li Gvern Nazzjonalista nesa ż-żona tan-nofsinhar ta’ Malta, fejn kompla bl-istess narrattiva t’oħt il-mara tiegħu, il-kandidata Alison Zerafa Civelli, ….minkejja li kien Gvern Nazzjonalista li għamel il-waterfront tal-Birgu, li fassal u fetaħ il-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn, li fetaħ ġonna li spiċċaw abbandunati taħt 9 snin tmexxija tal-Labour. Dan filwaqt li kien proprju Partit Nazzjonalista li dejjem kien voċiferu kontra t-teħid tal-art taż-Żonqor li kien ta Gvern tal-Labour lil Universita tal-Ġordaniżi.
Bil-karti lesti quddiemu, Robert Abela ftaħar biċ-ċekkijiet li jnewwel liċ-ċittadini minkejja li falla milli jindirizza l-fatt tas-serq sfaċċat, b’ammissjoni mill-istess Gvern tiegħu, mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll mit-taxxi.
L-attività f’Ħaż-Żabbar kienet indirizzata wkoll minn Michael Falzon li – wara diversi skandli li ħakmu lill-Gvern tal-Labour – qal li dawk madwar Robert Abela għandhom il-kredenzjali meħtieġa.
L-istess Michael Falzon li kien involut fl-iskandlu tal-binja fi Strada Zekka li wassal għar-riżenja tiegħu minn Ministru.
U quddiem folla Laburista isterika … Falzon qal li l-Labour m’għandux bżonn ipoġġi widnejh mal-art.
U min-naħa tiegħu, il-kandidat Chris Bonett kompla bir-retorika negattiva tal-Labour ta’ Robert Abela u bl-attakki kontra l-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech. Ghalkemm faħħar lil politiċi Laburisti bħal Agatha Barbara, li qal li kienet ġgant fil-politika Maltija.