Il-kampanja negattiva tal-Labour ta’ Robert Abela qed tkompli tinfirex fost l-esponenti kollha tiegħu, u fid-diversi okkażjonijiet pubbliċi li jindirizzaw.
Konferma oħra waslet minn Miriam Dalli fl-ewwel dibattitu politiku mtella’ mill-Awtorità tax-Xandir għal din il-kampanja elettorali … u li matulu l-kandidati Laburisti aktar infexxew jattakkaw lill-Partit Nazzjonalista u lil Bernard Grech milli jippreżentaw politika b’risq il-pajjiż.
Fil-fatt, minflok ma wieġbet il-mistoqsija tal-ġurnalist dwar għaliex wieħed għandu jivvota lil-Labour, Dalli wieġbet bin-negattività u l-attakki.
Barra minhekk, dik li ntagħżlet minn Robert Abela biex tkun parti mill-Parlament Malti u eventwalment Ministru ipprovat iddawwar is-sewwa magħruf meta qalet li l-Leader iwieġeb kull mistoqsija li ssirlu.
Aktar kummenti negattivi u attakki sfrenati kontra l-Partit Nazzjonalista waslu wkoll mill-Kandidat Laburista Rebecca Buttigieg … li anke pprovat tnessi lil Joseph Muscat billi rreferiet biss għal dawn l-ahhar sentejn, jiġifieri kemm ilu Robert Abela.
Min-naħa l-oħra, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista – id-Deputat Claudette Buttigieg u l-Kandidat Joseph Grech – spjegaw il-politika tal-Partit immexxi minn Bernard Grech li jħares ‘il quddiem u biex ħadd ma jibqa’ lura.
Claudette Buttigieg qalet li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta tim b’viżjoni miegħek … l-istess tip ta’ viżjoni li għandhom il-Maltin u l-Għawdxin. Għall-kuntrarju, il-Labour hu mmexxi minn Robert Abela li moħħu aktar biex jaħrab u jgħaddi mill-bieb ta’ wara, b’politika inkredibbli ta’ negattività.
Min-naħa tiegħu, Joseph Grech spjega kif il-Partit Nazzjonalista hu ppreparat biex ikun il-Gvern li verament jixraq lil pajjiżna.
Fi tmiem id-dibattitu, persuni kkummentaw fuq il-media soċjali kif kienet evidenti d-differenza fil-politika li qed jippreżentaw lill-elettorat iż-żewġ partiti politiċi ewlenin – Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech b’viżjoni li tħares ‘il quddiem saħansitra lejn l-2030 u l-Labour negattiv ta’ Robert Abela li, minkejja li saffar is-suffara, nesa jilbes iż-żarbun ghat-tellieqa.
//= $special ?>