Lokali

Chris Fearne jerġa’ jitkellem fuq in-normalità

Id-Deputat PM Chris Fearne saħaq li n-normalità mill-Covid tinsab magħna. Dan minkejja li l-każi ġodda tal-pandemija kuljum qed ilaħqu ‘il fuq minn mija – bl-imwiet kawża tal-virus xorta waħda għadhom preżenti.

U wara xhur jevita s-suġġett ta’ dak imsejjaħ bħala long Covid – sintomi kawża tal-virus fuq il-persuni li ħarġu pożittivi… issa mhux talli mhux qed jgħid li ma jeżistux, talli saħaq li hawn bżonn ta’ tlett kliniċi speċjalizzati f’pajjiżna.

Intant, id-Deputati ta’ Abela kif ukoll il-kandidati  preżenti infexxew f’attakki wieħed wara l-ieħor fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll lejn il-Kap tal-PN Bernard Grech.

Huma insistew dwar il-kredibilità tal-Gvern tal-Labour…minkejja l-iskandli wieħed wara l-ieħor tul l-aħħar 9 snin – b’Daniel Micallef jisħaq li din hija t-tema ewlenija ta’ din l-Elezzjoni Ġenerali.

Huma saħqu dwar it-track record li għandhom, fil-preżenza ta’ Rosianne Cutajar li kellha tirreżenja minn Segretarju Parlamentari wara li nstabet hatja ta’ ksur ċar ta’ etika, filwaqt li stqarrew li għandhom l-Edukazzjoni għal qalbhom… minkejja li laħqu rekord uniku ta’ 4 Ministri f’leġiżlatura waħda.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista minn naha tieghu ħataf l-opportunita wkoll sabiex jgħaddi botta ċara lill-eks Mexxej tiegħu Joseph Muscat u l-kriżi politika li xeħithom fiha.

Id-Deputat Mexxej tal-Labour Chris Fearne baqa jinsisti li l-Labour għandu tim kredibbli.

Tim kredibbli… iżda magħmul b’persuni tal-passat – membri li ilhom fil-parlament mis-96, membri li kellhom ibaxxu rashom u jirriżenjaw minn varji ministeri minħabba l-inkompetenza tagħhom fil-qasam li kienu tqiegħdu responsabbli minnu.