Lokali

“Dħalt ngħajjat viva l-Labour, ħriġt nappoġġja lil Bernard”

Il-maġġoranza tal-istudenti jħossu li Bernard Grech hu l-mexxej ideali għal Malta

Wara d-dibattitu li sar iktar kmieni llum fl-Università ta’ Malta bejn il-ħames mexxejja politiċi, il-maġġoranza tal-istudenti jħossu li l-Kap tal-PN, Bernard Grech hu l-mexxej ideali biex imexxi lil Malta għall-ħames snin li ġejjin.

Dan ħareġ wara li fi tmiem id-dibattitu sar vox pop minn Newsbook fejn numru ta’ studenti ġew mistoqsija liema mexxej ikkonvinċihom l-iżjed.

Waħda mill-istudenti saħansitra qalet li minkejja li kienet temmen f’Robert Abela, fid-dibattitu wera li hu mhux il-mexxej li se jkun qed jieħu lil pajjiżna ‘l quddiem. Fil-fatt, wara dak li qal Bernard Grech, hi saħqet li hu propju l-Kap tal-PN li għandu viżjoni għal Malta.

Studenta oħra qalet li l-Partit Nazzjonalista hu lest għat-tmexxija ta’ pajjiżna fil-ħames snin li ġejjin, iżda Robert Abela bl-ebda mod ma kkonvinċa li hu mexxej adegwat.