Colin Schembri
Tazza Louis Borg Irġiel
Mellieħa Libertas 84
Starlites Naxxar 90
(23-25)(13-15)(27-29)(21-21)
Mellieħa Libertas: A. Wrighten 26, M. Falzon, N. Vasovic 15, I. Bonett 4, C. Briffa, M. Seldon 33, M. Azzopardi 3, CJ Cordina 3, N. Sultana, L. Tanzini.
Starlites: A. Felice Pace 16, I. Azzopardi, A. Azzopardi, I. Felice Pace 6, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 20, J. Bates 6, L. Farrugia, K. Xuereb 4, J. Haynes 18, M. Thomas 20.
Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Nicky Azzopardi.
Starlites ħadu magħhom vantaġġ ta’ sitt punti għat-tieni leg fl-ewwel semi-finali kontra Mellieħa Libertas. Mellieħa kellhom nieqes lil Vukassin Jandric. Kienu Mellieħa li għamlu l-ewwel sitt punti tal-partita minn Nikola Vasovic, Isaac Bonett u Austin Wrighten. Starlites bdew jirrispondu bi trippla ta’ Matthew Scerri f’run ta’ 16-0 li kien fiha wkoll żewġ trippli minn Jamiah Hayes u oħra minn Scerri għal skor ta’ 16-6. Il-partita reġgħat inqalbet favur Mellieħa wara run ta’ 13-0 b’diversi punti ta’ Malik Seldon u trippla ta’ Mirco Azzopardi. Haynes u Ian Felice Pace bi trippla wieġbu għal Starlites li temmew is-sessjoni 25-23 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites fetħu b’żewġ baskets oħra però Mellieħa kellhom il-punti minn Seldon u Bonett u għamlu l-iskor indaqs 29-29. Myles Thomas u Haynes poġġew lil Starlites mill-ġdid fuq quddiem u sensiela ta’ punti minn Scerri fosthom trippla oħra rawhom jidħlu jistrieħu minn fuq 40-36.
Wara l-intervall, Starlites fetħu vantaġġ ta’ 10 punti hekk kif bdew b’ħames three pointers minn Jacob Bates, Alec Felice Pace Thomas. Mellieħa ma baqgħux lura u rkupraw b’żewġ trippli ta’ Vasovic flimkien ma’ Wrighten. L-aħwa Felice Pace reġħhu wieġbu għal Starlites li temmew it-taqsima 69-63 minn fuq. L-aħħar taqsima kompliet tkun missielta fejn wara li Starlites marru 11 minn fuq, Mellieħa għamlu run ta’ 9-2 li wasslithom sa’ basket ‘l bogħod 75-77. Punti minn Scerri u trippla ta’ A. Felice Pace taw ftit tan-nifs lil Starlites u għalkemm Wrighten u Seldon reġgħu ressqu lil Mellieħa viċin, kienu Starlites li għamlu l-aħħar punti biex rebħu l-partita 90-84.
Starlites Naxxar 80
Mellieħa Libertas 87
(23-16)(22-29)(10-21)(25-21)
Starlites: A. Felice Pace 19, I. Azzopardi, A. Azzopardi, I. Felice Pace 5, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 4, J. Bates 10, L. Farrugia, K. Xuereb 12, J. Haynes 15, M. Thomas 15.
Mellieħa Libertas: A. Wrighten 35, M. Falzon, N. Vasovic 6, I. Bonett 5, C. Briffa 1, M. Seldon 25, M. Azzopardi 11, N. Sultana, L. Tanzini.
Referees: Ivica Simic, Nicky Azzopardi, Florentina Ciurariu.
Mellieħa kitbu paġna oħra mportanti fl-istorja tagħhom meta waslu fit-tieni finali tal-istaġun, din id-darba tat-tazza Louis Borg wara li fit-tieni leg għelbu lil Starlites 87-80 u f’partita drammatika għaddew b’aggregate ta’ 171-170. Partita li offriet minn kollox fosthom protesti fuq il-kontroll tal-uffiċjali miż-żewġ naħat speċjalment f’mumenti kruċjali tal-partita. Iż-żewġ timijiet baqgħu bl-istess formazzjoni ta’ jumejn qabel bl-eċċezzjoni ta’ CJ Cordina li kien nieqes għal Mellieħa. Starlites kellhom l-aħjar bidu tal-partita meta marru 10-2 minn fuq bit-trippli ta’ Thomas, Haynes u Felice Pace. Mellieħa damu ftit ma ngranaw tant li l-vantaġġ ta’ Starlites baqa’ stabbli wara trippla oħra minn Felice Pace flimkien ma’ Scerri. Mellieħa kisbu 5 punti mingħajr risposta però trippla ta’ Thomas għalqet is-sessjoni favur Starlites 23-16. Fit-tieni taqsima l-partita saret aktar akkanita fejn għal ħin twil iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin u Starlites baqgħu 10 minn fuq 35-25. Hawn Mellieħa wettqu reazzjoni u għamlu run ta’ 9-0 kważi kollha minn Seldon. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet b’seba’ punti konsekuttivi fosthom trippla ta’ Xuereb u wara trippla ta’ Haynes waslu l-ewwel protesti ta’ Starlites għal foul imsaffar kontra l-istess Amerikan b’Wrighten jagħmel seba’ punti mingħajr risposta għal parita fl-intervall 45-45.
Fit-tielet sessjoni Mellieħa fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti biex għall-ewwel darba marru minn fuq bl-aggregate. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Thomas u trippla ta’ Ian Felice Pace iżda kienu Mellieħa li temmew it-taqsima bl-aħjar mod meta għamlu run ta’ 9-0 kollha miż-żewġ Amerikani biex fetħu vantaġġ ta’ 11 -il punt fil-partita u 5 bl-aggregate. Fl-aħħar taqsima t-tensjoni kienet fl-aqwa tagħha u fost l-oħrajn Starlites għamlu run ta’ 11-2 li reġgħat poġġiethom minn fuq bl-aggregate. Mellieħa rkupraw u reġgħu għamlu break ta’ 11-3 bi trippla ta’ Vasovic u punti ta’ Bukva u Seldon. FL-aħħar sekondi, Mellieħa kienu tlieta minn fuq bl-aggregate u wara basket ta’ Felice Pace, tilfu l-pusess tal-ballun f’deċiżjoni oħra kkontestata u Starlites għal darbtejn kellhom iċ-ċans jaqilbu r-riżultat però l-blalen ta’ Felice Pace u Haynes ma daħlux biex Mellieħa rebħu l-partita 87-80 u għaddew għall-finali b’distakk ta’ punt 171-170.
Hibernians 85
Bupa Luxol 84
(23-21)(16-15)(30-24)(21-24)
Hibs: M. Vires 42, N. Cassar, M. Vucinic, D. Bueja 5, L. Farrugia 2, K. Dimech 2, A. Axiaq 9, R. Aquilina, M. Attard, C. Soderholm 15, I. Demcesen 10, P. Shoults.
Luxol: J. Cefai 7, M. Sciberras, N. Buhagiar, P. Attard 15, JP Schembri 6, A. Trapani, L. Trapani, C. Coffey, S. Opojevlic 5, M. Matijevic 4, S. Cappello 13, W. Claiborne 34.
Referees: Ivica Smic, Ionut Ciurariu, Florentina Ciurariu.
Hibs fetħu vantaġġ ta’ 2 punti għat-tieni leg fis-semi-finali tagħhom kontra Bupa Luxol. Luxol offrew prestazzjoni tajba minkejja li kienu mingħajr l-aqwa skorer tagħhom Cannan Coffey. Għal Hibs, l-Amerikan Mason Vires kellhu total ta’ 42 punt biex patta għall-partita kwieta li kellhu sieħbu Christian Soderholm. Luxol fetħu tajjeb bit-trippli ta’ Paul Attard u Jean Paul Schembri flimkien mal-Amerikan William Claiborne u marru 16-9 minn fuq. Għal Hibs kien hemm il-punti ta’ Vires u Anton Axiaq u komplew b’run ta’ 10-3 li bdewha bi trippla ta’ Soderholm. Punti minn Vires u Keith Dimech raw lil Hibs itemmu l-ewwel sessjoni 23-21 minn fuq. Il-punti naqsu xi ftit fit-tieni perjodu bil-Hibs ikollhom trippla oħra minn Soderholm u ħames punti konsekuttivi ta’ Axiaq u jiftħu vantaġġ ta’ disa’ punti 35-26. Luxol wieġbu bi break ta’ 10-2 b’żewġ trippli minn Schembri u Attard għal skor ta’ 39-36.
Wara l-intervall, Soderholm beda bi trippla għall-Pawlisti però Luxol għamlu run 17-5 fejn Claiborne beda jsib ħafna spazju taħt il-board u kiseb diversi punti. Wara time-out ta’ Mario Tabone, Hibs irkupraw u ppareġjaw wara trippla ta’ Vires u punti ta’ Ivan Demcesen. Wara trippla ta’ Juan Cefai għal Luxol, Hibs għalqu s-sessjoni bi break ta’ 9-2 għal skor ta’ 64-60. Fl-aħħar taqsima, ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin fejn wara li Luxol fetħu bi trippla minn Attard, kien hemm baskets fuq kull naħa u Hibs baqgħu fuq quddiem. Luxol marru minn fuq wara trippla ta’ Stefan Cappello u Claiborne 81-79. Hibs reġgħu dawwru r-riżultat dejjem permezz ta’ Vires li kellhu wkoll l-aħħar pussess però ma marx għall-basket biex il-vantaġġ ta’ Hibs baqa’ ta’ punt 85-84 biex kollox ried jiġi deċiż fit-tieni partita.
Bupa Luxol 76
Hibernians 86
(13-14)(21-21)(19-33)(23-18)
Luxol: J. Cefai 1, M. Sciberras, N. Buhagiar, P. Attard 2, JP Schembri 11, A. Trapani, L. Trapani, S. Opojevlic 12, M. Matijevic 5, S. Cappello 2, W. Claiborne 43.
Hibs: M. Vires 28, N. Cassar, M. Vucinic, D. Bugeja 13, L. Farrugia 8, K. Dimech 16, A. Axiaq, R. Aquilina, M. Attard 4, I. Demcesen 13, P. Shoults 4.
Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Ionut Ciurariu.
Hibernians qatgħu l-passaġġ għat-tielet finali tagħhom dan l-istaġun wara li għelbu lil Bupa Luxol 86-76 fit-tieni leg tas-semifinali u għaddew b’aggregate ta’ 171-160 wara r-rebħa b’distakk ta’ punt fl-ewwel leg. Iż-żewġ timijiet kellhom Amerikan nieqes fejn Luxol reġgħu kienu mingħajr Canaan Coffey fil-waqt li Hibs kienu mingħajr Christian Soderholm. Hibs fetħu tajjeb bil-punti ta’ Demcesen, Vires u Dimech biex marru 8-1 minn fuq. Wara risposta ta’ Luxol minn Claiborne li kellhu wkoll trippla, Dimech kabbar il-vantaġġ tal-Pawlisti wkoll bi three pointer iżda Luxol naqqsu d-distakk għal punt sa’ tmiem l-ewwel sessjoni 13-14. Luxol komplew tajjeb fit-tieni sessjoni u feħtu vantaġġ ta’ 5 punti wara baskets ta’ Opojevlic u Claiborne. Hibs irkupraw u għamlu run ta 11-0 b’żewġ trippli ta’ Vires però Luxol reġgħu rrispondew permezz ta’ Matijevic u Claiborne u kien biss basket ta’ Vires lejn tmiem it-taqsima li ra lil Hibs jidħlu jistrieħu minn fuq 35-34.
Wara l-intervall kien hemm bidu tajjeb minn Hibs speċjalment wara trippli minn Dimech u Bugeja biex fetħu vantaġġ ta’ 15 -il punt 54-39. Hibs tilfu lil Demcesen bil-ħames foul però kellhom żewġ trippli minn Luke Farrugia biex temmew it-taqsima 15 minn fuq. Fir-raba’ perjodu, Schembri fetaħ bi trippla għal Luxol u hawn Hibs tilfu wkoll lil Axiaq u Dimech bil-ħames foul. Żewġ trippli ta’ Schembri taw tama ġdida lil Luxol hekk kif naqqsu d-distakk għal 8 punti 68-76 però l-ħin kien kontrijhom u Hibs serrħu rashom mir-rebħa wara trippli minn Matthew Attard u punti minn Vires u Shoults u ħarġu rebbieħa 86-76,
//= $special ?>