Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Mhux eskluż li r-Russja tuża l-armi kimiċi fuq il-poplu

L-Istati Uniti qed twissi li r-Russja kapaċi tirrikorri għall-armi kimiċi jew bioloġiċi bil-għan li ‘tkisser għal kollox’ il-moral tal-poplu Ukren li qed jiddefendi artu kontra l-invażjoni mill-qawwiet tal-Kremlin.

Is-Segretarju Stampa tal-White House ( f’Washington) Jen Psaki ma teskludix li Moska – fost id-disprament biex tagħmel ftit progress f’din il-gwerra – tuża dawn l-armi projbiti minn diversi konvenzjonijiet, waqt li tipprova twaħħal f’ħaddieħor permezz ta’ strateġija qarrieqa magħrufa bħala ‘false flag’.

Intant, Psaki kritikat lir-Russja talli qed ‘tiġġenera l-gideb li l-Istati Uniti qed tiżviluppi l-armi kimiċi fl-Ukrajna’. Dan meta l-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-Armati tal-President Russu, Vladimir Putin, issa għalqet ħmistax.

Il-White House wissiet ukoll li ċ-Ċina – alleata tar-Russja – tidher li qed taċċetta l-propaganda li ħierġa minn Moska bl-iskop li taħbi l-verità dwar dak li qed iseħħ fl-Ukrajna. Fl-istess ħin, l-Istati Uniti qed tgħin lill-awtoritajiet Ukreni biex jipproteġu l-faċilitajiet għal riċerka bioloġika f’pajjiżhom milli jinħatfu mill-qawwiet Russi.