Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea bdew jiltaqgħu għal summit ta’ jumejn fil-Palazz ta’ Versailles, fi Franza. Dan bil-għan li huma jippreżentaw ‘front magħqud ta’ pajjiżi’ fil-konfront tar-Russja, li qed tippersisti bil-bumbardamenti fuq l-ibliet – u primarjament il-komunitajiet ċivili – tal-Ukrajna.
Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qed ilaqqa’ dan is-summit, meta Franza, bħalissa, għandha l-Presidenza tal-UE. Macron ilu jinsisti biex l-Unjoni tiżviluppa l-qawwa tad-difiża ‘tagħha’ biex tiffunzjona spalla ma’ spalla mal-Alleanza tan-NATO — madankollu, ftit qed jidhru prospetti li l-Unjoni se tibda taħdem lejn Armata Ewropea taħt it-tmexxija ta’ Franza.
Intant, il-Mexxejja, waqt is-summit, mistennija jiddiskutu l-koordinazzjoni u l-funzjoni kollettiva ta’ riżorsi militari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi għall-kontinent.
Il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, sadanittant, biddlet bil-kbir il-prioritajiet tal-Unjoni Ewropea li kkonfermat sanzjonijiet bla preċedent fuq ir-Russja, minkejja l-impatt għan-negozji tal-Ewropa.
U filwaqt li l-Ġermanja, b’konsegwenza tal-gwerra, qed tirriforma l-militar tagħha wara għexieren ta’ snin, l-Unjoni anki qed tuża għall-ewwel darba d-Direttiva għall-Protezzjoni Temporanja biex tgħin lir-refuġjati mill-Ukrajna ħalli jgħixu u jaħdmu fl-Istati membri tagħha.
Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea, għall-ewwel darba, qed tixtri u tissupplixxi l-armi lil pajjiż li jinsab f’konflitt ma’ pajjiż ieħor – bil-kooperazzjoni ta’ Brussell man-NATO u l-Istati Uniti qed tassumi livell ferm aħjar mill-aħħar snin.
Bħalissa wkoll, ix-xeni tal-imwiet u t-tbatija kbira fl-Ukrajna qed iqanqlu emozzjonijiet kbar fost il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea. Dan meta l-aktar suġġett jaħraq fis-summit ta’ Versailles għandu jinvolvi l-possibbiltà li l-applikazzjoni tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-Unjoni tkun ipproċessata aktar malajr mis-soltu (fuq stil ta’ fast tracking) bħala simbolu ta’ solidarjetà mal-poplu Ukren.
//= $special ?>