Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Messaġġ ieħor ta’ sfida mingħand Zelensky lil Putin

 

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed iħeġġeġ biex is-sieħba tal-Ukrajna madwar id-dinja jwasslu soluzzjonijiet għall-kriżi li jibbażaw fuq ir-realtà ‘u mhux l-opinjonijiet astratti’.

Hu fl-istess ħin, qal li l-Mexxejja tad-dinja qed jiddiskutu ‘kuljum’ il-gwerra fl-Ukrajna u li l-Gvern fi Kiev ‘jaf eżatt minn liema naħat ġej is-sostenn għal pajjiżu’.

Zelensky fakkar li l-irġiel u n-nisa Ukreni għadhom qed jiddefendu pajjiżhom kontra militar ‘ferm aktar b’saħħtu’ u li r-reżistenza għadha ‘valida ħafna’ f’numru ta’ zoni strateġiċi.

Fl-isteess ħin hu ċaħad bil-qawwi l-istqarrijiet tar-Russja fis-sens li ‘ma miet ħadd’ fl-aħħar bumbardamenti ta’ Moska fuq sptar tal-maternità f’ Mariupol.

Il-President Ukren anki akkuża lill-President Russu Vladimir Putin b’li ħoloq ‘katastrofi umana’ fl-ibliet tal-Ukrajna. U waqt li tenna li r-Russja għandha l-ħsieb li tumilja lill-Ukreni permezz ta’ din il-gwerra, il-President Zelensky għamilha ċara li l-poplu tiegħu ‘jaf li mhu se jispiċċa qatt bħala skjav ta’ Moska’.