Lokali

Il-kandidati tal-Labour jagħmlu minn kollox biex inessu d-9 snin ta’ fallimenti

Il-Partit Laburista jinsab beżgħan li l-poplu jiftakar il-passat tiegħu, partikolarment dak riċenti.

F’dibattitu fuq ix-Xandir Nazzjonali Byron Camilleri insista għal aktar minn darba li l-Partit Laburista fil-Gvern għandu l-kredibilità fit-tmexxija tal-pajjiż.

Iżda f’9 snin tmexxija ta’ Gvern Laburista pajjiżna spiċċa fuq il-lista l-griża tal-FATF, spiċċa fuq fomm kulħadd minħabba l-kriżi politika li ħoloq huwa stess, spiċċa b’Mexxej u Prim Ministru jingħata t-titlu tal-akbar korrott fid-dinja, spiċċa kellu jwarrab Mexxej u jeleġġi ieħor, u spiċċa jmexxi pajjiż b’impunità sfaċċata li waslet għal assassinju ta’ ġurnalista.

Taħt tmexxija Laburista pajjiżna ra l-bwiet tal-qalba jintefħu b’mijiet ta’ eluf ta’ ewro, b’kuntratti li jlaħqu l-miljuni – inkluż but il-Mexxej tal-Labour Robert Abela li tħallas b’€17,000 fix-xahar minn kuntratt wieħed li sahansitra tela’ ghal 28,000….flejjes misruqa minn but il-poplu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u tmexxija ta’ ħabs ħażina li waslet għal diversi imwiet ta’ priġunieri.

Mill-banda l-oħra, id-Deputat Laburista Jonathan Attard insista li m’hemm ebda raġuni għalfejn il-poplu m’għandux jivvota lil-Labour f’din l-elezzjoni. Fejn ironikament f’attakk wieħed wara l-ieħor fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista injora għal kollox il-fatt li f’leġiżlatura waħda l-Labour biddel 4 Ministri tal-Edukazzjoni, riżenja waħda wara l-oħra u kazi ta’ korruzzjoni li qed tiswa lill-poplu €725miljun fis-sena.

Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Julie Zahra insistiet li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech se jkun Gvern ta’ viżjoni li jpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika.

Dan filwaqt li l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Ivan J. Bartolo saħaq li l-pajjiż għandu bżonn ta’ direzzjoni ġdida.

Huwa insista li l-unika Partit li qed joffri tama ġdida u idea ċara għal ġid ta’ pajjiżna huwa l-Partit Nazzjonalista hekk kif bl-aktar mod ċar u trasparenti qed jispjega kif mhux biss se jqassam il-ġid…iżda fuq kollox, kif se joħolqu.