Edukazzjoni Elezzjoni 2022 Lokali Sport

“Il-PN permezz ta’ investiment ta’ biljun ewro f’għaxar setturi ekonomiċi ġodda se jkun qed jinvesti fil-futur”

“Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jinvesti biljun ewro f’għaxar setturi ekonomiċi ġodda, investiment għall-futur taż-żagħżagħ tagħna.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista li se jkunu qed jikkontestaw fuq id-9 distrett – diskorsi li għamlu f’attività politika li saret fil-Għargħur.

Il-Kandidat Karol Aquilina qal kif wara d-dibattitu ta’ dalogħdu fl-Università ta’ Malta rajna kif Bernard Grech huwa l-mexxej li għandu viżjoni għall-pajjiż u din hija d-differenza bejn iż-żewġ mexxeja politiċi. Aquilina temm jgħid kif il-poplu Malti għandu għażla bejn grupp ta’ persuni li nstabu ħatja bi qtil ta’ ġurnalista u grupp ta’ paersuni oħra li jridu jsewwu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo qal kif il-PN qed jippreżenta aktar minn 500 proposta u huwa ċar li l-Partit Laburista qed iħares lejn il-Programm Elettorali tal-PN għaliex qed jipprova jsib żbalji żgħar. Arrigo semma l-investiment li seħħ fl-aħħar snin fil-PN fejn fost l-oħrajn inxtrat Outside Broadcasting Unit ġdid kif ukoll il-preżenza aktar b’saħħitha tal-Partit Nazzjonalista fuq il-media soċjali.

Il-Kandidata Grazziella Attard Previ tkellmet dwar il-valur tal-ġustizzja soċjali u dwar kif il-Partit Laburista fil-Gvern abbanduna għal kollox dan il-valur tant importanti. Gvern Laburista ra kif is-sinjur sar aktar sinjur filwaqt li l-fqir sar aktar fqir, bil-PN se jara li jkun hemm żieda fil-pensjonijiet kif ukoll se jkun qed jrodd lura l-flus misruqa mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Attard Previ temmet id-diskors tagħha billi qalet li l-PN se jkun qed jindirizza wkoll l-problema tal-faqar hekk kif f’pajjiżna hawn aktar minn 100,000 f’riskju ta’ faqar.

Fl-istess attività tkellem ukoll Jason Azzopardi u qal li l-PN fil-Gvern se jkun qed isewwi l-inġustizzji li seħħew fl-aħħar disa’ snin ta’ Gvern Laburista. Azzopardi semma kif il-PN ma qatgħax qalbu fil-passat u m’huwiex se jkun qed jaqta’ qalbu llum. Jason Azzopardi qal kif bħal ma għamel Joseph Muscat fl-2017, hekk ukoll għamel Robert Abela fl-2022 meta sejjaħ Elezzjoni Ġenerali hekk kif bdew ħerġin l-iskandli dwaru. Hu temm id-diskors tiegħu billi qal li l-PN sas-26 ta’ Marzu jrid ikompli jikkonvinċi.

Il-Kandidat Ivan J. Bartolo qal kif il-PN qed jippreżenta lista ta’ kandidati li huma kollha validi u għalhekk il-poplu Malti u Għawdxi għandu jivvota għall-Kandidati kollha tal-PN. Bartolo semma kif il-proposti tal-PN se jkunu qed jiġġeneraw il-ġid fejn l-investiment ta’ biljun ewro f’għaxar setturi ekonomiċi ġodda se jkun qed joħloq xogħol għal kulħadd. Ivan J. Bartolo, qal ukoll kif il-PL gideb dwar l-ESG għaliex il-PN se jkun qed inaqqas it-taxxa ta’ dawk il-kumpaniji li jħarsu l-governanza tajba, l-ambjent u anke l-qasam soċjali minn 25% għal 15%.

Graham Bencini li huwa wkoll kandidat fuq id-9 distrett qal li fis-26 ta’ Marzu għandna għażla bejn min se jkun qed imexxi l-pajjiż, għażla bejn min qered l-ambjent u poġġa lill-pajjiż fil-grey list u għażla bejn Partit li għandu viżjoni ċara għall-pajjiż. Bencini semma li l-PN għandu trackrecord fil-ħolqien tal-jobs hekk kif kien il-pijunier fl-oqsma tal-gaming u l-avjazzjoni fost l-oħrajn u hekk se jerġa jkun jekk ikun fdat, b’ħolqien ta’ għaxar setturi ekonomiċi ġodda. Garaham Bencini temm billi qal li l-Kap Bernard Grech għandu viżjoni ċara għall-pajjiz u huwa wkoll mdawwar b’tim ta’ kandidati formidabbli.

L-iżgħar kandiata tal-PN, Eve Borg Bonello qalet kif il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ħeġġiġa tkompli tinvolvi ruħha fil-politika fejn wara l-ħidma tagħha f’Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u anke fi ħdan il-PN issa se tkun qed tikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali. Borg Bonello semmiet ukoll kif il-PN għandu għal qalbu d-drittijiet umani u m’huwiex biss lest biex jiġġieled il-korruzjoni iżda huwa wkoll lest biex joħloq il-ġid u jagħti futur aħjar liż-żgħażgħ Maltin u Għawdin kollha.

Albert Buttigieg qal li huwa flimkien mal-PN huwa lest biex iservi għall-ġid komuni. Buttigieg qal ukoll kif il-PN jemmen fil-valur tal-ħajja u l-ambjent u li kull wieħed u waħda minnha għandhom id-dmir li jħarsu l-ambjent tagħna. Albert Buttigieg qal li għandna għażla ċara quddiemna dik bejn partit li għażel li jimla’ l-pajjiż kollu bini u xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u partit li huwa lest li jara li kemm l-ambjent u kemm il-kostruzzjoni jistgħu jaħdmu flimkien u mhux kontra xulxin.

Il-Kandidat Beppe Fenech Adami tkellem dwar kif il-PN huwa tim formidabbali b’kandidati mimlija enerġija u determinat. Fenech Adami qal kif il-PN huwa l-uniku partit li għandu Programm Elettorali u li se jkun qed iħares kemm is-sigurtà nazzjonali kif ukoll dik lokali. Hu żied jgħid kif il-PN se jkun qed jara li jitjiebu u jitħarsu l-kundizzjonijiet tal-pulizija, l-armata u anke tal-protezzjoni ċivili filwaqt li jara li ssir ġustizzja ma’ dawk li sofrew taħt Gvenr Laburista. Beppen Fenech Adami għalaq id-diskors tiegħu billi qal li l-PN se jkun hemm għall-ħaddiema u li huwa l-uniku partit li determinat li jaħdem għall-pajjiżna.

Joe Giglio qal li l-għażla quddiemna hija ċara, għażla bejn partit li lest li joħloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda u li jkunu pilastri ekonomiċi u partit li ma ħoloqx settur ekonomiku wieħed f’disa’ snin. Giglio kompla jispjega kif b’dan il-mod il-PN se jkun qed joħloq xogħol u pagi aħjar kif għamel ukoll fil-passat, setturi ekonomiċi li għadhom irendu sa llum. Joe Giglio ħeġġeġ lil dawk preżenti u anke lil dawk li kienu qed isegwu minn djarhom biex iwasslu l-messaġġ u l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista biex b’hekk il-poplu jkompli jikkonvinċi ruħu dwar l-għażla tas-26 ta’ Marzu.

Minn naħa tiegħu Karl Gouder tkellem dwar l-oqsma taż-żgħażagħ u l-kultura, fejn qal li l-PN se jkun qed jara li ż-żgħażagħ iħallu pajjiżna biss biex iġibu esperjenzi ġodda lejn Malta u mhux għaliex xebħgu jgħixu f’pajjiżna. Gouder qal kif filwaqt li Julia Farrugia Portelli pruvat twaqqa’ għaċ-ċajt lill-artisti, il-PN se jkun qed jgħin lill-artisti biex ikunu jistgħu jkomplu javvanzzaw fil-professjoni tagħhom. Karl Gouder temm jgħid li l-Programm Elettorali tal-PN huwa l-uniku programm li jindirizza l-problemi ta’ pajjiżna u dan se jkun qed joħloq industriji ġodda.

Noel Muscat li huwa Kandidat fuq id-9 distrett qal kif fis-26 ta’ Marzu, l-poplu jrid jara jekk ikomplix jippremja Gvern Soċjalista li poġġa lil Malta fuq il-greylist, li kisser lill-AirMalta u li ma nvestiex fl-edukazzjoni jew inkella jafda Partit Nazzjonalista li se jkun qed ineħħi lill-pajjiżna minn fuq il-greylist fi żmien tliet xhur u jinvesti b’saħħa fil-qasam edukattiv kemm fl-istudent kif ukoll fl-għalliema. Muscat qal kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara li jsir investiment fil-qasam tal-edukazzjoni, l-isports, l-ambjent, il-kultura filwaqt li jara li inti jkollok aktar ħin mal-familja.

Kandidata oħra fuq id-9 distrett hija Emma Portelli Bonnici li fl-attività fil-Għargħur tkellmet dwar kif iż-żgħażagħ iridu politika nadifa, b’mexxija integri u mhux politika tal-freebies u x-xiri tal-voti. Portelli Bonnici qalet kif il-PN għandu viżjoni ċara għaliex wara biss ftit jiem preżenta il-Programm Elettorali. Hi enfasizzat dwar l-importanza li wieħed jaħseb b’mod kritiku u huwa biss il-PN li jagħtik l-opportunità li tagħmel tagħna. Hi temmet tgħid li minkejja l-opportunitajiet biex tħalli pajjiżna, hi għażlet li tibqa’ f’Malta biex ikollna futur aħjar.

L-aħħar kandidat li tkellem f’din l-attività kien Charles Selvaggi li qal li kull wieħed u waħda minnha għandhom jaħdmu biex il-PN ikun fil-Gvern għaliex hekk kif grazzi għall-mexxeja tal-passat irnexxielna niksbu suċċessi għall-pajjiżna, hekk ukoll nistgħu nagħmlu b’Bernard Grech bħala Prim Ministru. Selvaggi sellem ukoll lil Roberta Metsola li ftit tal-ġimgħat ilu nħatret bħala President tal-Parlament Ewropew. Charles Selvaggi kkonkluda billi qal li l-PN għandu l-għodda kollha meħtieġa biex jagħti viżjoni ċara u futur aħjar lil pajjiżna.