Internazzjonali Lokali

“Kburija bil-poplu tiegħi u bil-President tiegħi. Konvinta li se jirnexxielna nirbħu”

Il-gwerra fl-Ukrajna qed tmiss lill-Ukreni kollha madwar id-dinja, mhux b’inqas lil dawk li jgħixu f’pajjiżna.

NetNews iltaqa’ ma’ Ania Steshko, li ilha s-snin tgħix Malta, iżda li għandha ħafna ħbieb li għadhom l-Ukrajna.

Il-President Zelensky sar eroj Nazzjonali

Għalkemm ilha li telqet minn art twelidha, Ania tħoss sens kbir ta’ kburija bil-poplu tagħha u bil-President Zelensky. Filfatt meta staqsejniha x’inhi l-aktar ħaġa li tagħmilha kburija, Ania qalet li huwa propju il-poplu Ukren u l-President tagħha.

Hija qalet li l-poplu ta’ pajjiża ingħaqad b’mod inkredibbli malli faqqgħet din il-gwerra. U stqarret li Volodymyr Zelensky huwa l-eroj tagħha u tal-poplu Ukren.

Ania spjegatilna kif Ukreni li jgħixu fid-diversi pajjiżi qed jagħmlu dak kollu li jistgħu minn fuq is-sufan tagħhom.

Is-‘sofa forces’ kif isejħu lilhom infushom, huma forza oħra f’din il-gwerra. Forza li m’għandhiex saħħa militari, imma li bil-mod tagħhom ukoll qegħdin jiġġieldu din il-gwerra. Is-‘sofa forces’ huma dawk l-Ukreni kollha li jinsab f’post sigur u li qegħdin b’mod kostanti jsegwu dak li qed jiġri fil-kunflitt biex imbagħad jgħaddu din l-informazzjoni lil dawk li għadhom maqbuda fil-pajjiż.

Ania tirrakkonta l-istejjer tal-ħbieb li għandha lura f’pajiżha

“L-informazzjoni dwar fejn hemm l-aktar attakki ħorox, u fejn għadu sigur, din l-informazzjon ngħadduha lil min qiegħed hemm. Inwissuhom jekk ikunu f’periklu imminenti. Ngħinuhom b’dan il-mod. Minn fuq is-sufan tagħna. Imma nagħmlu l-arti tagħna wkoll. Kontinwament niġbru informazzjoni u ngħadduha”.

Ania qalet li l-aktar mistoqsija kruċjali għall-Ukreni saret ‘yak ti yak tvoyi?’ li tfisser ‘kif inti u kif inhuma tiegħek?’. “Għax x’nistgħu nistaqsu aktar? Ma nistgħu nagħmlu kważi xejn minn hawn…” tgħid b’dieqa.

L-aggressjoni ta’ Vladimir Putin fuq l-Ukrajna fissret li rġiel u ġuvintur kellhom jidħlu fl-armata biex jiġġieldu għal arthom u għall-libertà.

Ania titkellem dwar ħabib tagħha, Roman. Roman għandu 45 sena. Għandu tifel ta’ 16. Tirrakkonta kif il-missier u l-iben qaxxru xagħrhom flimkien biex imorru għall-gwerra. Tgħid li mindu bdiet il-gwerra Roman, qed jagħmel post kuljum fuq il-media soċjali.

Roman (lemin) u ibnu (xellug) qaxxru xagħarhon qabel marru għall-gwerra

Tispjega li b’Ukren, Frar huwa lyutyy – kelma li tfisser rabja. Fil-posts tiegħu, Roman, għadu qed jgħodd il-ġranet daqs li kieku għadu Frar. Illum, għalih, huwa t-38 ta’ Frar, għax dan huwa żmien ta’ rabja, u mhux żmien ir-Rebbiegħa.

Ania spjegat kif fl-Ukrajna kulħadd qed jagħmel il-parti tiegħu, kultant bl-aktar mod innovattiv. Per eżempju, il-birreriji, minflok qed jipproduċu l-birra, qed jagħmlu l-Molotov Cocktails. Ir-ristoranti qed jaħmu l-ħobż għan-nies tal-lokal.

Ania tgħix bit-tama li pajjiżha jerġa’ malajr jikseb is-sovranità tiegħu u l-poplu tagħha jkun jista’ jerġa’ jgħix f’serenità.

“Minkejja dak li qed naraw.. il-qirda, il-bumbardamenti, kollox, kollox se jissewwa. Imma din hi era ġdida għall-Ukrajna u għall-poplu tagħna, għan-Nazzjon. Jien vera kburija. U se jirnexxielna. Se nirbħu”.

Bdot Ukren fil-gwerra