Biex iwettaq il-viżjoni tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jridu ekonomija verament b’saħħitha li toħloq il-ġid u li tkun kompatibbli mal-għanijiet usa’ li fassal għal pajjiżna permezz tal-programm elettorali.
Taħt Gvern ġdid tal-PN, l-ekonomija se titkabbar bil-ħolqien ta’ aktar setturi ekonomiċi li jiġġeneraw valur miżjud għoli u li joħolqu impjiegi b’pagi tajbin, kemm għall-ħaddiema fl-oqsma speċjalizzati u għal dawk aktar manwali. Fuq dawn is-setturi, Gvern immexxi minn Bernard Grech se jsejjes it-twettiq tal-viżjoni tiegħu għax dawn joħolqu l-ġid mingħajr ma jnaqqru mill-kwalità tal-ħajja u mingħajr ma jħallu impatt negattiv fuq l-ambjent naturali tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem wettaq politika li qabel tqassam il-ġid, tara li dan jinħoloq. Dan se jkun prinċipju politiku ewlieni ta’ Gvern Nazzjonalista. Fl-aħħar snin, l-ekonomija, l-ambjent naturali u l-kwalità tal-ħajja rajniehom jiġbdu f’direzzjonijiet differenti. Il-ġid materjali wassal għal tnaqqir fil-mod ta’ kif ngħixu u ħafna drabi dan sar għad-detriment tal-ambjent. Għalhekk il-viżjoni tal-PN hija mibnija fuq bidla radikali fil-ħsieb u fit-twettiq tal-politika tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Dawn huma l-għaxar setturi ekonomiċi ġodda li Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħtihom prijorità:
1. Investimenti bbażati fuq Metaverse
L-industrija tal-Metaverse hija qasam li huwa stmat li se jlaħħaq il-800 Biljun Ewro għas-sena 2024. Permezz ta’ dan is-settur waħdu, anke jekk pajjiżna jieħu persentaġġ żgħir mill-industrija, l-ekonomija ta’ Malta u Għawdex litteralment tisplodi. Diversi kumpaniji kbar madwar id-dinja, inkluż timijiet tal-football bħal Manchester City diġa bdew jinvestu f’dan is-settur għaliex qed jaraw fih potenzjal kbir, kif l-istess qed jara l-PN.
2. Servizzi ta’ compliance u due diligence
Dan il-qasam se jkollu bżonn ħafna aktar appoġġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi ta’ konformità u due dilligence fid-dawl tal-obbligi regolatorji dwar il-ħasil tal-flus. Il-PN sab mogħod li mill-aħbar kerha tal-greylisting, joħloq settur ekonomiku ġdid filwaqt li baqa’ jwiegħed li pajjiżna joħroġ minn din il-lista fi żmien tliet xhur ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista.
3. Manifattura avvanzata u speċjalizzata
F’pajjiżna għandna eluf ta’ ħaddiema li huma mħarrġa fil-manifattura u li jistgħu jtejjbu l-ħiliet u l-valur miżjud tagħhom. Minkejja li dan il-kunċett jeżisti ftit f’pajjiżna, għadu mhux settur ekonomiku għaliex l-investiment fih kien żgħir. Gvern ġdid tal-PN ikabbar is-settur btali mod li jsir pilastru ekonomiku.
4. Ipprintjar 3D
L-iżvilupp tat-teknoloġija tal-istampar 3D ser itina l-opportunità li nattiraw operaturi li jridu jużaw materjali ġodda biex joħolu oġġetti partikolari f’ħin qasir u bl-aqwa teknoloġija. Madwar id-dinja din it-teknoloġija tintuża’ wkoll biex jinħoloq apparat mediku. Din l-industrija mistennija tkompli tikber fis-snin li ġejjin u hija stmata li tlaħħaq il-biljuni ta’ ewro fi żmien qasir. B’persentaġġ żgħir minn dan is-settur l-ekonomija ta’ pajjiżna tista’ tieħu spinta kbira ‘l fuq.
5. Applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali (AI)
Magħruf aħjar bħala AI. Dan huwa wieħed mill-aktar setturi li qed jikber b’rata mgħaġġla u li jiġbor fih talent kbir minn bosta oqsma differenta tas-soċjetà. It-teknoloġija avvanzat ħafna fl-aħħar snin u hija stmata li tkompli tikber aktar fil-futur. Jekk dan ikun pilastru ekonomiku f’pajjiżna, l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ huma infiniti.
6. L-industrija tal–e-Sports
Dan huwa settur li għandu potenzjal enormi f’diversi aspetti. Fatt interessanti hu li s-settur tal-e-Sports fl-aħħar snin stabilixxa lilu nnifsu bħala karriera b’pagi li jrendu u b’opportunitajiet madwar id-dinja. Diġa qed ikunu organizzati tournaments mondjali li qed ikunu segwiti minn miljuni ta’ nies u tista’ timmaġina x’effett tagħmel din l-industrija fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna jekk issir pilastru ekonomiku. Fl-aħħar jiem Bernard Grech saħaq ukoll li taħt Gvern ġdid tal-PN, l-e-Sports se jsir ukoll sport uffiċjali f’pajjiżna.
7. Produzzjoni ta’ video games
L-iżvilupp ta’ dawn il-logħob ser joħoloqu ekosistema sħiħa li l-PN ser jibni f’pajjiżna biex jattira kumpaniji ewlenin u oħrajn iżgħar biex jinbena settur vibranti fir-reġjun. Dan is-settur ser iġib miegħu kumpaniji kbar li huma popolari madwar id-dinja u li jinvestu ħafna miljuni kull fejn ikunu. Permezz ta dan is-settur, dawn il-kumpaniji ser isibuha faċli jaħdmu minn pajjiżna, u apprti li magħhom iġibu investimenti kbar, ser joħolqu impjiegi ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin.
8. Industrija tal-isports
Il-PN se jagħmel mill-isports industrija b’saħħitha li ser toħloq valur miżjud kbir għaliex ser tgħaqqad l-attività sportiva ma’ numru ta’ setturi oħrajn fosthom dak tas-saħħa, tal-edukazzjoni u dak turistiku. Fost ħafna proposti biex dan is-settur f’pajjiżna jibda jittieħed bis-serjetà u jikber bl-istess rata li qed jikber madwar id-dinja, il-PN qed jipproponi l-bidu ta’ ċentru ta’ xjenza fl-isport, li minnu innifsu diġa jkabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna, aħbar u ara jekk l-isport f’pajjiżna jkun pilastru ekonomiku. Dan kollu jgħolli l-livell ta’ pajjiżna fl-isport u x-xewqa ta’ ħafna tibda ssir realtà għaliex verament inkunu nistgħu inħabtuha mal-kbar.
9. Tisħiħ tas-settur tal-enerġija
L-industrija li l-PN se jġib f’pajjiżna hija l-katina sħiħa li twassal għall-kuntratta tal-ottimizzazzjoni tal-enerġija u ta’ kif azjendi jistgħu jagħmlu investiment kbar biex pajjiżna jnaqqas l-impatti ambjentali mill-industrija. Apparti minn hekk, il-PN għandu proposti interessanti ħafna għal dan is-settur fosthom irdieden tar-riħ. Filfatt, il-programm elettorali kollu tal-PN jżomm f’moħħu l-ambjent u x’nistgħu nagħmlu biex dan ma jibqax jinqered.
10. Intrapriżi soċjali
Is-settur ‘profit with purpose’ għandu l-ħila li jiġbed tipi differenti ta’ talent u li jista’ jżewwaq il-profil soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna filwaqt li jirrifletti l-valuri tagħna l-Maltin. Xhieda ta’ dan il-ħsieb huwa l-programm elettorali kollu tal-PN.
F’kull wieħed minn dawn is-setturi Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkun hemm l-inċentivar tas-settur tal-ospitalita’ biex jiżdied il-valur miżjud ta’ kull settur.
Il-fond ta’ biljun ewro huwa maħsub li jixpruna t-twaqqif ta’ dawn is-setturi ġodda filwaqt li jgħin fit-tisħiħ tas-setturi eżistenti b’enfasi speċjali fuq l-avjazzjoni, manifattura lussuża, gaming, servizzi finanzjarji, life sciences u teknoloġija. Il-fond ser ikun nofsu mħallas minn fondi pubbliċi, anke permezz ta’ depożiti rieqdin f’istituzzjonijiet finanzjarji, u nofsu permezz ta’ self għal żvilupp ekonomiku minn istituzzjonijiet lokali u barranin.
L-ebda taxxa tal-capital gains mhu se titħallas fuq il-profit iġġenerat mill-investiment, filwaqt li l-Gvern se jinċentiva lill-investituri billi jħallas l-imgħax fuq is-self.
BONUS: Biex jikkumbatti kontra l-għoli tal-ħajja, il-PN qed joffri viżjoni ċara – fond ta’ 40 miljun ewro li jitqassam lin-negozji biex itaffilhom mill-piż tal-importazzjoni biex b’hekk il-prezzijiet f’pajjiżna ma jkomplux jgħolew minħabba problemi oħrajn li jeżistu madwar id-dinja u li qed jaffetwawna ħafna minħabba li aħna gżira.
//= $special ?>