Fost diskors dwar ġlied u firda, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne illejla fetaħ il-Kungress tal-Labour billi wiegħed lill-elettorat li l-Partit Laburista “għandu ħolm” għall-poplu Malti u Għawdxi.
Dan id-diskors sar tliet ġimgħat wara li fetħet il-kampanja elettorali, u wara l-kritika qawwija li kien hemm lejn il-PL minħabba li għadu ma preżentax il-Manifest Elettorali.
Id-Deputat Mexxej tal-Labour Chris Fearne ħass ukoll il-ħtieġa li anke fil-Konferenza Ġenerali jiprova jnessi l-passat Laburista fejn insista li l-poplu Malti u Għawdxi għandu jivvota skont il-ġimgħatejn kampanja li fadal.
Dan hekk kif fl-aħħar ħames snin il-Partit tal-Labour kien sfurzat ineħħi l-Mexxej tiegħu, Joseph Muscat wara l-kriżi politika li xeħet lill-Gżejjer Maltin fihom wara mewġa ta’ koruzzjoni u impunità qawwija mill-kurituri ta’ Kastilja li waslet għal assassinju ta’ġurnalista, omm, u bint… f’karozza bomba. F’5 snin biss inbidlu diversi Ministri, telqu diversi membri parlamentari – min rasu baxxuta u min għax sab siġġu sħun lest x’imkien ieħor…iżda ċertament dawn il-5 snin jibqgħu mfakkra għal fatt li Gvern tal-Labour poġġa lil pajjiżna fuq il-lista l-griża tal-FATF li waslet għal daqqa fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta lil’hinn minn xtutna.
Iżda għal Fearne, qalb attakk partiġġjan wieħed wara l-ieħor il-Labour ħariġna ta’ nies.
Intant ħass il-ħtieġa li hu se jibqa’ hemm imqabbad ma djul Robert Abela, minkejja sorsi interni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li tkellmu ma’ Net News żvelaw il-battibekki interni li sikwit ikun hemm bejn il-fazzjoni ta’ Fearne u dak tal-Leader.
Il-PL laqqa’ l-Kungress tiegħu f’Dar il-Mediterran fil-Belt.
//= $special ?>