Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Id-dipendenza fuq il-fuel mir-Russja indirizzata waqt summit

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ippreżentat il-pjani għall-proċess gradwali li għandu jtemm id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-fossil fuels prodotti mir-Russja sal-2027.

Id-data hi aktar ‘speċifika’ minn dik li l-Kummissjoni kienet proponiet ftit jiem qabel, u fejn kienet tkellmet dwar ‘l-indipendenza mir-Russja f’dan il-qasam sa qabel l-2030’.

Il-pjani kienu elenkati waqt is-summit għall-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea li qed jintemm fi Franza. Fl-istess ħin, il-Mexxejja ħarġu stqarrija separata dwar ‘l-appoġġ (mill-Ewropa) lill-Ukrajna li jindirizza wkoll l-aspirazzjonijiet ta’ dan il-pajjiż għal sħubija fl-UE’. Dan filwaqt li l-Prim Ministru Taljan Mario Draghi stqarr li l-UE, bhalissa, hi maghquda ferm aktar minn qabel.

Is-summit ta’ Versailles  ikkonkluda anki bi stqarrijiet dwar l-enerġija, id-difiża u l-ekonomija li kienu relevanti għal din il-kriżi ġdida fl-Ewropa.