Uffiċjali fl-Ukrajna akkużaw lir-Russja dwar ‘attakk dirett u premeditat’ li seħħ ftit tal-ħin ilu fuq xi zoni residenzjali tal-Belarus, li hu alleat kbir ta’Moska.
L-attakki seħħew mill-ispazju tal-ajru tal-Ukrajna, bl-uffiċjali qed jirreferu għal tattiċi qarrieqa (magħrufa bħala false flag) mir-Russja bil-ħsieb li ddaħħal lill-Belarus f’din il-gwerra. ‘L-iskop wara din il-provokazzjoni hi ċara, meta Moska trid torbot lill-Belarus b’mod dirett f’dan il-konflitt’, sostnew is-sorsi fi Kiev.
Qed jingħad li – qabel l-attakk – ajruplani tal-gwerra Russi kienu telqu minn mitjar fil-Belarus qabel qasmu mill-ispazju tal-ajru Ukren u minfejn imbagħad ikkonċentraw l-isparar fuq il-villaġġ ta’ Kopani, fin-nofsinar tal-Belarus u viċin il-fruntiera tal-Ukrajna.
Intant, sar magħruf li l-Ministru Ukren tad-Difiża, Oleksiv Reznikov, qabel kien wissa liċ-ċittadini tal-Belarus li r-Russja ‘għandha l-intenzjonijiet kriminali għal pajjiżhom’ u li Moska “qed tiddiskrimina maċ-ċivili tal-Belarus bl-istess mod kif qed taġixxi mal-familji innoċenti fl-Ukrajna.’
Il-messaġġ ikompli li l-Ukrajna la qatt kellha u lanqas mhi se jkollha intenzjonijiet aggressivi fir-rigward tal-Belarus.
//= $special ?>

