Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Jonqos il-poplu fi Kiev bil-gwerra tavviċina lill-qalba tal-kapitali

Is-Sindku ta’ Kiev, Vitali Klitschko, qal li mijiet tal-eluf ta’ residenti ħarbu mill-kapitali Ukrena lejn postijiet aktar sikuri, mill-bidu (sittax-il jum ilu) tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.

Sadanittant, il-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, waslu eqreb il-kapitali Ukrena fost ġlied qalil mad-difensuri u meta s-suldati ta’ Moska komplew jitilfu l-karrijiet armati u t-tankijiet tal-gwerra.

L-Ukreni għadhom determinati daqs qabel li jiddefendu Kiev u bliet  prinċipali oħra kontra l-invażuri tal-Kremlin. Dan waqt li Klitschko – eks champion tal-boxing fil-kategorija tal-heavyweight – qal li l-kapitali Ukrena, issa, inbidlet f’fortizza fejn kull triq, bini u checkpoint qed ikunu fortifikati ‘biex jilqgħu għall-avvanzi tal-għadu’.

Madankollu, ħafna residenti fi Kiev qegħdin jagħżlu li jitilqu mill-kapitali, bl-awtoritajiet lokali jammettu li ( sal-aħħar sigħat) kien fadal ftit anqas minn żewġ miljun ruħ mill-popolazzjoni ta’ madwar tliet miljuni.

Fl-istess ħin, l-uffiċjali tal-Punent wissew dwar ‘il-movimenti bla preċedent ta’ persuni’ ‘il barra minn Kiev u bliet Ukreni oħra. It-twissija ngħatat waqt li l-pajjiżi Ewropej li jaqsmu fruntiera mal-Ukrajna qegħdin jieħdu dejjem aktar refuġjati li ħarbu mill-magna tal-gwerra tal-President Russu, Vladimir Putin.

Fil-fatt, l-ammonti tar-refuġjati mill-Ukrajna kapaċi jaqbżu sew l-erba’ miljuni fi tmiem il-ġimgħa.